IMNEDIJA POLITIKA NAZZJONALI GĦAD-DRITTIJIET TA’ PERSUNI B’DIŻABILITÀ
pr142835
03/12/2014
Fil-Jum Internazzjonali għall-Persuni b’Dizabilità, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana f’konferenza fl-Università ta’ Malta nediet uffiċjalment il-Politika Nazzjonali għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. Justyne Caruana ddeskriviet din il-Politika bħala ‘pedina oħra fil-ħidma tal-Gvern f’dan il-qasam’ u kif dan id-dokument huwa ta’ importanza enormi għax issa l-Gvern għandu f’idejh prodott finali li jagħtina indikaturi ċari ta’ fejn irridu mmorru.
Justyne Caruana qalet li l-proċess ta’ kif ġiet żviluppata din il-politika kien uniku għax kienu involuti l-istakeholders kollha f’dan il-qasam, fosthom persuni b’diżabilità nfushom li kienu l-protagonisti. Din il-politika tfittex biex jinbidel il-mod ta’ kif il-persuni b’diżabilità jiġu interpretati mis-soċjetà u għalhekk din il-politika qed tfassal direzzjoni u riflessjoni fuq l-oqsma kollha li jmissu mal-ħajja ta’ persuni b’diżabilità.
Qalet ukoll li dan id-dokument qiegħed jiddikjara bl-aktar mod inekwivoku li l-persuni b’diżabilità għandhom jgħixu ħajja sħiħa fil-komunitajiet tagħna u skont il-bżonnijiet u aspirazzjonijiet tagħhom u mhux one size fits all. Semmiet li dritt fundamentali ta’ persuni b’diżabilità huwa x-xogħol, u l-Gvern irid jiffaċilita l-aċċess għad-dinja tax-xogħol. Dan intwera biċ-ċar fil-baġit li għadda meta l-Gvern fost inċentivi oħra neħħa l-capping fuq il-qligħ biex tinżamm il-pensjoni u eżenzjoni tal-ħlas tal-bolla lill-employers u tax rebate għal min iħaddem persuni b’diżabilità. Fost oħrajn is-Segretarju Parlamentari saħqet fuq 80 impjieg ta’ backoffice u scanning li se jinħolqu f’Għawdex għall-persuni b’diżabilità.
Justyne Caruana tenniet tgħid li dan il-Gvern kontinwament qed juri b’mod konkret li dan il-qasam huwa tal-ogħla prijorità fis-settur soċjali, speċjalment b’impenn tanġibbli ta’ għaxart idjar fil-komunità u permezz tar-rappreżentanza tal-persuni b’diżabilità li se jkunu parti minn bordijiet u awtoritajiet ewlenin ta’ pajjiżna. Is-Segretarju Parlamentari appellat lill-istakeholders kollha sabiex ikomplu mexjin id f’id mal-Gvern f’dan il-qasam.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046