DAN IL-MILIED : AGĦŻEL GĦAWDEX
pr142834
03/12/2014
Waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-Milied f’Għawdex, il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo nieda l-attività ewlenija Bethlehem f'Għajnsielem.
Diċembru hu xahar għal qalb il-popolazzjoni ta' dawn il-gżejjer u l-Ministeru għal Għawdex ra li mis-sena l-oħra l-attività Bethlehem f'Għajnsielem terġa’ tibda ssir bil-kontribut tal-Kunsill, il-Parroċċa u l-Għaqdiet kollha ta' Għajnsielem u fil-fatt ġibdet lejha mal-74,000 persuna.
Għal din is-sitt edizzjoni, Għawdex se jerġa’ jqum għall-okkażjoni biex joffri pakkett interessanti għal persuni ta' kull età mill-kbar saż-żgħar b'attrazzjonijiet ġodda.
Għall-ewwel darba din is-sena se jkun hemm villaġġ tal-Milied fil-kumpless tal-Gozitano fix-Xewkija u attività kbira għat-tfal Dinja tat-Tfal: "Ħallu t-tfal jiġu għandi". U għalhekk jixraq is-slogan: Dan il-Milied, agħżel Għawdex.
Il-Ministeru għal Għawdex emmen f'din l-inizjattiva u offra kull għajnuna fejn jidħlu rizorsi umani, inġenji, materjal u finanzi. Dan is-sostenn finanzjarju, ta' maniġment u relazzjonijiet pubbliċi se jgħin biex din l-inizjattiva tirnexxi billi jżuruha aktar persuni u toħloq attività kbira fil-gżira Għawdxija.
Il-Ministru rringrazzja lill-kumitat ħabbrieki tal-Milied f’Għawdex, lid-direttorati varji fil-Ministeru għal Għawdex li taw s-sehem tagħhom, lill-operaturi ta' negozji varji f'Għawdex u lill-MTA li taw sostenn lill-attivitajiet li se jkunu organizzati, kif ukoll lis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo għall-appoġġ lil diversi inizjattivi organizzati mill-Kunsilli Lokali Għawdxin.
Barra l-brochure li se jiġi mniedi l-Ħamis, aktar informazzjoni tinsab fuq il-website Christmas in Gozo u l-paġna tal-Facebook bl-istess isem.
Il-ftuħ ta' Bethlehem f'Għajnsielem se jsir mill-President tar-Repubblika Marie-Louise Coleiro Preca nhar is-Sibt 6 ta’ Diċembru, fil-preżenza tal-Isqof ta' Għawdex, Mons. Mario Grech. Din iċ-ċerimonja se tixxandar dirett fuq TVM 2 grazzi għall-koperazzjoni sħiħa tal-PBS u s-CVC.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamenti għall-Gvern Lokali Stefan Bountempo, iċ-Chairman tal-Kumitat Milied f’Għawdex Joe Mifsud, is-Sindku ta’ Għajnsielem Francis Cauchi, kif ukoll Franco Ciangura.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046