IL-PRIM MINISTRU JOSEPH MUSCAT JINDIRIZZA L-MEUSAC CORE GROUP MEETING QABEL IL-LAQGĦA TAL-KUNSILL EWROPEW
Il-Prim Ministru sostna li waqt li Malta għandha tkun kburija li b’kuntrast ma’ pajjiżi oħrajn, għandha tkabbir fl-impjieg u rata ta’ qgħad baxxa, lanqas ma tista’ tinjora dak li għaddej f’pajjiżi oħra. Il-Prim Ministru żied li dawn il-pajjiżi huma s-suq ta’ Malta, speċjalment fil-manifattura u t-turiżmu. Jekk f’pajjiżi bħall-Ingilterra u l-Ġermanja ma jkunx hemm flus fl-idejn, hemm riskju li l-kompetizzjoni, l-iktar fit-turiżmu, tkun ibbażata fuq il-prezz flok fuq il-kwalità. Huwa ċar li dak li qed jiġri fl-Ewropa jaffettwa lil Malta b’mod dirett.
Dr Muscat qal dan waqt li għal darb’oħra attenda laqgħa mal-imsieħba soċjali tal-MEUSAC Core Group sabiex flimkien jiddiskutu l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li jmiss. Din il-laqgħa li jmiss għandha temi pjuttost ġeneriċi iżda importanti għall-Unjoni Ewropea u żgur li se tkun qed isseħħ fid-dawl tar-riżultati ekonomiċi li qed jiġu ppublikati fl-Ewropa kollha, speċjalment dawk taż-żona ewro. Wieħed jistenna li d-diskussjoni ma ssirx f’vakum iżda fil-kuntest ta’ Ewropa li mhux qegħda tikber daqskemm wieħed jistenna u b’mod partikulari, fl-isfond ta’ pajjiż ewlieni, il-Ġermanja, li evita bi żbrixx li jidħol f’riċessjoni.
Il-Prim Ministru kompla jgħid li regoli ta’ dixxiplina fiskali huma ta’ importanza kbira. Hu insista li Malta dejjem kienet favur dixxiplina fiskali u kontra nfiq bla rażan. Bl-istess mod, Malta hija favur il-flessibiltà, iżda kontra riġidità li toħnoq. Dr Muscat semma li huwa kburi li f’Malta dejjem kien hemm bipartisan agreement fejn jidħlu r-regoli finanzjari. Il-Prim Ministru qal li l-policies ta’ pajjiżna qed ikabbru l-ekonomija għax l-poplu jista’ jibbenfika minnhom direttament. Huwa għalhekk li hemm benefiċċji għal min iħaddem u childcare b’xejn. Kif wieħed jista’ jara mis-sitwazzjoni f’pajjiżi oħrajn, il-miżuri tal-awsterità mhumiex riċetta li qed tirnexxi.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll kif se jkun hemm tibdil fid-data tat-tħabbir tal-Baġit. L-unika raġuni għalfejn il-Baġit ta’ Malta kellu jkun analizzat darbtejn hi waħda teknika. Il-Kummissjoni Ewropea qatt ma saqsiet lil Malta għal emendi fil-Baġit. Il-Baġit ta’ Malta jitħabbar f’Novembru, iżda l-Kummissjoni Ewropea ssaqsi għall-pjan tal-Baġit f’Ottubru – xahar qabel. Huwa impossibli li l-Gvern Malti jipprovdi ċerti dettalji tal-Baġit, bħal bidla fil-prezz tas-sigaretti, lill-Kummissjoni Ewropea qabel ma dawn ikunu magħrufa f’Malta. Għalhekk, sabiex din is-sitwazzjoni tkun evitata fil-futur, hemm possibiltà li l-Baġit jibda jitħabbar xahar qabel.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046