Left arrow Go Back

IL-PRIM MINISTRU JOSEPH MUSCAT JINDIRIZZA L-MEUSAC CORE GROUP MEETING QABEL IL-LAQGĦA TAL-KUNSILL EWROPEW

PR142830
Date Icon 03/12/2014

Il-Prim Ministru sostna li waqt li Malta għandha tkun kburija li b’kuntrast ma’ pajjiżi oħrajn, għandha tkabbir fl-impjieg u rata ta’ qgħad baxxa, lanqas ma tista’ tinjora dak li għaddej f’pajjiżi oħra. Il-Prim Ministru żied li dawn il-pajjiżi huma s-suq ta’ Malta, speċjalment fil-manifattura u t-turiżmu. Jekk f’pajjiżi bħall-Ingilterra u l-Ġermanja ma jkunx hemm flus fl-idejn, hemm riskju li l-kompetizzjoni, l-iktar fit-turiżmu, tkun ibbażata fuq il-prezz flok fuq il-kwalità.  Huwa ċar li dak li qed jiġri fl-Ewropa jaffettwa lil Malta b’mod dirett.

Dr Muscat qal dan waqt li għal darb’oħra attenda laqgħa mal-imsieħba soċjali tal-MEUSAC Core Group sabiex flimkien jiddiskutu l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li jmiss.  Din il-laqgħa li jmiss għandha temi pjuttost ġeneriċi iżda importanti għall-Unjoni Ewropea u żgur li se tkun qed isseħħ fid-dawl tar-riżultati ekonomiċi li qed jiġu ppublikati fl-Ewropa kollha, speċjalment dawk taż-żona ewro.  Wieħed jistenna li d-diskussjoni ma ssirx f’vakum iżda fil-kuntest ta’ Ewropa li mhux qegħda tikber daqskemm wieħed jistenna u b’mod partikulari, fl-isfond ta’ pajjiż ewlieni, il-Ġermanja, li evita bi żbrixx li jidħol f’riċessjoni.

Il-Prim Ministru kompla jgħid li regoli ta’ dixxiplina fiskali huma ta’ importanza kbira.  Hu insista li Malta dejjem kienet favur dixxiplina fiskali u kontra nfiq bla rażan.  Bl-istess mod, Malta hija favur il-flessibiltà, iżda kontra riġidità li toħnoq.  Dr Muscat semma li huwa kburi li f’Malta dejjem kien hemm bipartisan agreement fejn jidħlu r-regoli finanzjari.  Il-Prim Ministru  qal li l-policies ta’ pajjiżna qed ikabbru l-ekonomija għax l-poplu jista’ jibbenfika minnhom direttament.  Huwa għalhekk li hemm benefiċċji għal min iħaddem u childcare b’xejn.  Kif wieħed jista’ jara mis-sitwazzjoni f’pajjiżi oħrajn, il-miżuri tal-awsterità mhumiex riċetta li qed tirnexxi.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll kif se jkun hemm tibdil fid-data tat-tħabbir tal-Baġit.  L-unika raġuni għalfejn il-Baġit ta’ Malta kellu jkun analizzat darbtejn hi waħda teknika.  Il-Kummissjoni Ewropea qatt ma saqsiet lil Malta għal emendi fil-Baġit.  Il-Baġit ta’ Malta jitħabbar f’Novembru, iżda l-Kummissjoni Ewropea ssaqsi għall-pjan tal-Baġit f’Ottubru – xahar qabel.  Huwa impossibli li l-Gvern Malti jipprovdi ċerti dettalji tal-Baġit, bħal bidla fil-prezz tas-sigaretti, lill-Kummissjoni Ewropea qabel ma dawn ikunu magħrufa f’Malta.  Għalhekk, sabiex din is-sitwazzjoni tkun evitata fil-futur, hemm possibiltà li l-Baġit jibda jitħabbar xahar qabel.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow