VERIFIKA TA’ PRESTAZZJONI: HOUSING AUTHORITY’S PROCUREMENT OF REPAIR WORKS ON RESIDENTIAL UNITS
Fi sfont ta’ implikazzjonijiet soċjali sinifikanti li joħorġu mis-social housing, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) wettaq Verifika ta’ Prestazzjoni (Performance Audit) sabiex jevalwa jekk il-Housing Authority (HA) taqdix id-dmirijiet tagħha rigward ksib ta’ xogħlijiet ta’ tiswija fuq djar, b’mod li jkabbar l-effiċjenza, l-effettività u kunsiderazzjonijiet oħra ekonomiċi. Għalkemm xogħlijiet ta’ tiswija nkisbu b’diversi metodi ta’ akkwist mill-HA, dan l-istudju huwa ffukat fuq xogħlijiet li nkisbu permezz ta’ sejħiet għall-kwotazzjonijiet u direct orders matul is-sena 2013.
Għalkemm waqt l-analiżi tiegħu l-NAO nnota numru ta’ prattiċi tajbin imħaddna mill-Awtorità rispettiva, dan l-Uffiċċju wkoll identifika numru ta’ każi ta’ tħassib meta evalwa l-modus operandi tal-HA. Fost l-aktar notevoli, l-NAO sab nuqqasijiet sostanzjali fil-mod ta’ kif l-Awtorità żżomm id-databases tagħha li fihom tikkompila ilmenti mir-residenti li jgħixu fid-djar li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha. Dan l-Uffiċċju wkoll innota li l-HA ma żżommx database komprensiva tal-housing units kollha li jaqgħu fi ħdan il-portfolio tagħha, liema nuqqas jikkomplika konsiderevolment il-proċess li l-Awtorità jkollha tgħaddi minnu sabiex tistabbilixxi jekk residential unit partikolari taqa’ taħt ir-responsabbiltà tagħha jew le.
Dan l-Uffiċċju wkoll identifika numru ta’ kawżi ta’ tħassib fil-mod ta’ kif l-Awtorità tingaġġa fil-proċessi ta’ akkwist ta’ xogħlijiet eżaminati f’dan l-istudju. Fost l-oħrajn, l-NAO nnota li, sal-aħħar tas-sena 2013, l-HA kellha madwar 700 talba pendenti għal xogħlijiet ta’ tiswija u f’attentat sabiex dawn jiġu indirizzati, l-Awtorità ħolqot Framework Agreement sabiex tkun tista’ tibda tikkummissjona xogħlijiet b’direct orders, b’kull wieħed ma jeċċedix il-valur ta’ €6,000 (VAT eskluż). Filwaqt li l-NAO jirrikonoxxi l-urġenza ta’ din is-sitwazzjoni, xorta waħda jinsab imħasseb dwar il-fatt li bl-użu ta’ din is-sistema ta’ akkwist, numru konsiderevoli ta’ xogħlijiet qegħdin jingħataw lill-kuntratturi mingħajr ma jiġi introdott element kompetittiv, b’hekk possibilment jintilef iċ-ċans li jkun hemm kuntratturi li joffru prezzijiet orħos. Dan l-Uffiċċju jinsab ukoll imħasseb dwar il-mod ta’ kif ġew determinati l-prezzijiet kwotati f’din is-sistema ta’ akkwist, hekk kif dawn ma ġewx ibbażati fuq studju li jiddetermina x’rati huma ġusti u raġonevoli, iżda fuq offerti kif ġew ippreżentati minn kuntratturi fl-imgħoddi, bir-riskju li dawn ikunu ogħla.
F’Espressjoni ta’ Interess, li għaliha kuntratturi, li kienu interessati jipprovdu xogħlijiet permezz ta’ sejħa għall- kwotazzjonijiet, kellhom japplikaw sabiex jiġu inklużi f’lista ta’ kuntratturi magħżula, l-NAO sab li għaxar applikazzjonijiet li kienu ntbagħtu wara d-data ta’ għeluq xorta ġew aċċettati mill-HA, filwaqt li tnejn oħra wkoll ġew aċċettati anke jekk ma laħqux l-ispeċifikazzjonijiet kollha kkwotati fl-applikazzjoni konċernata. Dan l-Uffiċċju huwa wkoll imħasseb dwar diversi każijiet fejn ma setax isib approvazzjoni dokumentata biex jiġu ppubblikati sejħiet għall-kwotazzjonijiet.
L-NAO wkoll jifhem id-diffikultà li tiffaċċja l-Awtorità meta tiġi biex tispezzjona l-ħsarat rappurtati, hekk kif f’ċerti ċirkustanzi l-uffiċjali tagħha jkunu kostretti jagħmlu an educated guess dwar liema xogħlijiet hemm bżonn, ladarba dejjem hemm il-possibilità ta’ difetti li ma jidhrux. Dan l-Uffiċċju jifhem il-problema li tħabbat wiċċha magħha l-Awtorità, ta’ numru ta’ individwi, li qed jgħixu fi proprjetajiet li hi offritilhom, meta dawn ikunu tal-fehma li mhumiex obbligati jagħmlu huma manutenzjoni jew tiswijiet fir-residenzi. Spiss dan l-aġir iwassal għal ħsarat konsiderevoli, li b’ manutenzjoni regolari u mingħajr spejjeż kbar, faċilment jistgħu jiġu evitati.
Dan it-tħassib kollu msemmi hawnhekk, flimkien ma’ oħrajn, huma indirizzati b’mod komprensiv f’dan ir-Rapport. Numru ta’ rakkomandazzjonijiet huma wkoll inklużi. Ir-Rapport sħiħ jidher fis-Sit Elettroniku tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika: www.nao.gov.mt.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046