IL-MINISTRU GEORGE W. VELLA SE JIPPARTEĊIPA FIL-21 EDIZZJONI TAL-LAQGĦA TAL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-OSCE, F’BASEL, L-IŻVIZZERA, 4-5 DIĊEMBRU 2014
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Dr George W. Vella, se jipparteċipa fil-laqgħa ministerjali tal-OSCE li se ssir f’Basel, l-Iżvizzera bejn l-4 u l-5 ta’ Diċembru 2014 fejn huwa mistenni li jtenni l-impenn ta' Malta lejn l-OSCE, kif ukoll jisħaq l-importanza li tissaħħaħ is-sigurtà u l-istabbiltà fi ħdan l-organizzazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tar-reġjun tal-Mediterran u l-kriżi fl-Ukrajna.
Il-laqgħa se tiffoka dwar il-ħidma tal-Presidenza Żvizzera fl-aħħar sena, u se tfittex li jintlaħaq kunsens fl-ogħla livell politiku fost is-sebgħa u ħamsin stat membru dwar deċiżjonijiet importanti fi ħdan l-Organizzazzjoni. Bla ebda dubju, il-kriżi fl-Ukrajna se tiddomina l-parti l-kbira ta’ din il-laqgħa u r-rappreżentanti se jfittxu li jilħqu kompromess paċifiku għal dan il-kunflitt.
Din il-laqgħa se tindirizza wkoll il-kriżi fis-sigurtà Ewropea kif ukoll il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Aspett ieħor importanti għall-organizzazzjoni se jkun li tiddiskuti wkoll ix-xogħol li sar sa mill-bidu tal-hekk imsejjaħ proċess Helsinki+40. Se jiġi evalwat ir-rwol li mistennija teżerċita fil-futur tal-organizzazjoni biex tilħaq l-għan tagħha fil-bini ta’ proċess ta’ paċi u djalogu bħala priorità tal-ħidma tagħha. Matul il-laqgħa f’Basel, il-Presidenza Żvizzera beħsiebha twaqqaf qasam ta’ persuni eminenti biex jipprovdu pariri dwar kif is-sigurtà Ewropea tista’ tiġi konsolidata.
Il-Ministru se jkun akkumpanjat mir-Rappreżentant Permanenti ta' Malta għall-OSCE, l-Ambaxxatur Keith Azzopardi, kif ukoll uffiċjali oħra fi ħdan il-Ministeru.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046