L-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU JNIEDI L-KARTOLINA TAL-MILIED
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’kollaborazzjoni mal-Marigold Foundation u l-Caritas nieda sett ta’ sitt kartolini tal-Milied. Dawn il-kartolini ġew iddisjinjati mir-residenti tal-programm tar-rijablitazzjoni mid-droga tal-Caritas Malta.
Is-Sinjura Michelle Muscat, Chairperson tal-Marigold Foudnation qalet li għal darb’oħra l-Marigold Foundation xtaqet toffri opportunità artistika lil grupp ta’ nies li xi drabi huma mwarrba mis-soċjetà. Is-sena l-oħra, id-disinn tal-kartolina, ġie ddisinjat mit-tfal bl-awtiżmu; dis-sena, il-kompetizzjoni kienet miftuħa lil nies li għaddejjin minn rijabilitazzjoni mid-droga. Is-Sinjura Muscat żiedet tgħid li tammira dawn in-nies tal-isforzi tagħhom u taħseb li dan il-proġett jagħti inċentiv qawwi.
F’isem in-nies għaddejjin mir-rijabilitazzjoni tad-droga, il-Kap Eżekuttiv tal-Caritas, is-Sur Leonid McKay, irringrazzja l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u lis-Sinjura Michelle Muscat għax-xogħol siewi li qed iseħħ permezz tal-Marigold Foundation. Huwa sostna li għal Caritas, kemm l-NGO nnifisha, kif ukoll għall-parteċipanti, dan il-ġest wera fiduċja fin-nies li għaddejjin mill-programm ta’ rijabilitazzjoni. Il-parteċipanti li ħadu sehem f’din il-kompetizzjoni u wirja huma residenti min San Blas Community, Prision Inmates Programme, Shelter Harm Reduction u l-Female Services.
Filwaqt li rringrazzja lill-parteċipanti li ħadu sehem, il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li jammira l-isforz u l-kuraġġ tal-individwu li jagħmel ħiltu kollha biex jerġa’ jidħol lura fis-soċjetà. Ma huwiex faċli tgħix bl-isfidi ta’ kuljum u bil-pressure li jġibu magħhom, iżda s-soċjetà għandha tagħti ċans ġdid lil kulħadd, ċans sabiex kulħadd jutilizza t-talenti bl-aħjar mod, temm jghid il-Prim Ministru.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046