Left arrow Mur Lura

​TLIET XHUR MIT-TNEDIJA TAL-POLITKA DWAR AĠĠUSTAMENT TAL-LIMITAZZJONI TAL-GĦOLI GĦAL-LUKANDI

PR142814
Date Icon 01/12/2014

Il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis u s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u Simplifikazzjoni Amministrattiva Dr Michael Falzon, indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet dwar il-politika ġdida dwar l-aġġustament tal-limitazzjoni tal-għoli għal-lukandi, li tnediet fil-bidu ta’ Settembru li għadda u li tipproponi li lukandi ta’ tliet, erba’ u ħames stilel fiż-żoni turistici ta’ pajjiżna, jistgħu jżidu l-għoli tal-bini tagħhom b’żewg sulari.

Il-Ministru għat-Turiżmu, Dr Edward Zammit Lewis, sostna li din il-policy, għandha bħala obbjettiv prinċipali t-titjib tal-kwalità tal-prodott, tal-kompettittività u tas-sostennibilità tas-settur tagħna. Kif qal il-Ministru, “L-ewwel u qabel kollox nixtiequ illi nesperjenzaw żieda fil-kwalità. Irċevejna tnax-il applikazzjoni, approvajna sebgħa u għandna numru ta’ lukandiera oħra interessati li jitfgħu applikazzjoni sabiex jieħdu vantaġġ minn din l-opportunità.”

“Apparti applikazzjonijiet approvata hemm tnejn oħra li qed juru interess sabiex lukandi magħluqa jerġgħu jinfetħu, jiġu upgraded u jerġgħu jibdew jagħtu servizz”, sostna l-Ministru Edward Zammit Lewis. “Mingħajr ebda dubju, qed nosservaw li kull applikazzjoni qed isservi sabiex il-lukandiera qed jinvestu ammont konsiderevoli ta’ flus fit-tiġdid tal-prodott tagħhom.  Huwa kkalkulat li bis-saħħa ta’ dan l-iżvilupp ġdid, l-ewwel tmien proġetti approvati ser jissarrfu f’aktar minn €50 miljun ta’ investiment u f’aktar minn 450 impjieg ġdid li ser tgawdi minnhom l-ekonomija Maltija”, tenna l-Ministru għat-Turiżmu.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għat-Turizmu rreferra wkoll għall-istatistika li ħarġet dalgħodu, proprju fil-Jum Ewropew għat-Turiżmu, mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li tindika li Malta rreġistrat l-akbar ammont ta’ turisti li żaru pajjiżna fix-xahar ta’ Ottubru, fejn għall-ewwel darba ġiet maqbuża ċ-ċifra ta’ aktar minn 180,000 turist.  Din iċ-ċifra tfisser żieda ta’ 3.7% fuq dak irreġistrat f’Ottubru tas-sena l-oħra.  It-turisti fix-xahar ta’ Ottubru qattgħu kważi 1.35 miljun lejl f’Malta, li tfisser tkabbir ta’ 5.4% fuq iċ-ċifra rreġistrata fl-istess xahar tas-sena l-oħra.  L-infiq tela’ għal kważi €160 miljun, żieda ta’ 2.5% fuq Ottubru tal-2013.

Il-Ministru Zammit Lewis qal li dawn ir-riżultati pożittivi jawguraw tajjeb għas-settur turistiku f’pajjiżna u jkomplu jsaħħu din il-politika.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u Simplifikazzjoni Amministrattiva, Dr Michael Falzon, qal li, huwa ta’ sodisfazzjon kbir li din il-policy intlaqgħet tajjeb ħafna mill-industrija tat-turiżmu speċjalment mil-lukandiera bi propjetajiet ta’ tliet stilel jew aktar.  “Permezz ta’ din il-policy, qed nagħmluha aktar faċli biex il-lukandi jkunu jistgħu jestendu vertikalment il-binja tagħhom, u b’hekk ikunu jistgħu jtejbu l-prodott tagħhom u  jibqgħu kompetittivi f’suq li lkoll nafu kemm hu volatili.”

Dr Michael Falzon żied “Waqt li din il-policy qed tagħti inċentiv lil-lukandiera, għamilna wkoll numru ta’ miżuri biex b’din l-istess policy ma nkunux qed nagħmlu ħsara lill-istess industrija tat-turiżmu. Għalhekk, din il-policy ma tapplikax għal-lukandi li huma lokalizzati f'żona skedata, ’il barra mill-konfini tal-iżvilupp, fit-tarf ta’ rdum, viċin jew f’Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana (UCA). Għamilnieha ċara wkoll li d-drittijiet ta’ aktar sulari miksuba abbażi ta' din il-policy, ma jibqgħux aktar validi ladarba jiġu sottomessi proposti għall-bidla fl-użu tal-bini tal-lukanda.”

Is-Segretarju Parlamentari kkonkluda billi qal li, “Din l-amministrazzjoni qed turi biċ-ċar li hemm sinerġija tajba ħafna bejn il-Ministeri u l-entitajiet differenti tal-Gvern li flimkien jistgħu jaħdmu biex tiżdied l-effiċjenza fil-proċeduri u t-tfassil tal-policies. Bħal fil-policy document - d-DC2014 - li ħriġna għal konsultazzjoni pubblika l-ġimgħa li għaddiet, b’din il-policy, magħrufa aħjar bħala l-‘Hotel Height Adjustment Policy’ qed nuru impenn totali li l-iżvilupp irid ikun sostenibbli u ta’ kwalità għolja.”  

Il-Ministru Dr Edward Zammit Lewis, u s-Segretarju Parlamentari Dr Michael Falzon, irringrazzjaw lill-operaturi li qed juru fiduċja fis-settur, li lesti jinvestu bis-serjetà fil-prodott tagħhom u li lesti jikkontribwixxu għaż-żieda ta’ kwalità fid-destinazzjoni tagħna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow