ĦAD-DINGLI BI SKOLA ĠDIDA LI TESA’ 600 STUDENT
Wara li lbierah ħargu d-dettalji tal-Iskola tal-Isport li qed tinbena f’Pembroke, il-Ministru Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari Ian Borg dalgħodu taw id-dettalji tal-proġett ta’ skola ġdida f’Ħad-Dingli.
Din l-iskola, li se tiftaħ matul is-sena skolastika 2016/17, se jkollha mat-28 klassi kif ukoll numru ta’ laboratorji tal-bijoloġija, fiżika, multi-purpose hall, librerija u workshops. Se jkollha wkoll workshop għall-agribusiness, qasam innovattiv f’pajjiżna, u b’hekk se tkun fost l-ewwel skejjel fejn dan il-qasam se jingħata daqshekk importanza. L-iskola se tkun tesa’ bejn 500 u 600 student.
L-iskola se tkun fuq medda ta’ żewġ sulari u aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità. Hi se tkun kbira mat-3,000 m2 u se tkun ippjanata b’tali mod li tista’ titkabbar fil-futur skont in-neċessitajiet.
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg spjega kif matul din l-aħħar sena l-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ministeru tal-Edukazzjoni ħadmu id f'id sabiex fondi ewropej jiġu investiti f'faċiltajiet edukattivi. Huwa qal li t-tħabbir ta’ din l-iskola l-ġdida huwa eżempju konkret ta’ kif dawn il-fondi qegħdin jintefqu.
Fl-istess waqt Dr Borg ħabbar ukoll li fl-aħħar sigħat ġew konklużi n-negozjati mal-Kummissjoni Ewropea sabiex jingħalqu l-programmi operattivi għall-perjodu 2014-2020. Dawn il-programmi, fost l-oħrajn mistennija jkopru investment edukattiv ta’ madwar €82 miljun u se jkunu qed jiġu formalment addottati fil-ġimgħat li ġejjin.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046