L-INDUSTRIJA EWROPEA TAL-IKEL KOMMESSA LI TNAQQAS L-ISKART MILL-IKEL BIN-NOFS SAS- SENA 2020 – IL-MINISTRU LEO BRINCAT
Meta kien qed jindirizza u jippreżenta l-premjijiet tal-‘Wasting Food is Wasting the Planet’ Poster Competition organizzata min-National Council of Women, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat qal li l-Unjoni Ewropea qabel xejn teħtieġ li jkollha definizjoni ċara u komuni dwar x'inhuwa skart mill-ikel u kif dan għandu jiġi mkejjel. Huwa kompla li fl-isfond ta’ statistika li tkexkex, li kull ċittadin Ewropew jiġġenera madwar 500kg skart fis-sena, dan li se jgħid għandu jimlina lkoll b’kuraġġ.
Il-Ministru qal li l-ġimgħa tal-kampanja Ewropea għat-tnaqqis tal-iskart, b’għafsa fuq l-iskart mill-ikel, kienet suċċess f’pajjiżna għaliex kulħadd kien protagonist fiha, mhux biss minħabba li l-inizjattivi ittellgħu minn kull faxx tas-soċjetà Maltija, iżda wkoll minħabba d-diversità li kien hemm fl-attivitajiet nazzjonali li ġew organizzati. L-inizjattivi kienu jinkludu l-konferenza nazzjonali ta’ suċċess li tellgħu l-Kunsill Nazzjonali għan-Nisa flimkien mal-Assoċjazzjoni għad-Drittijiet tal-Konsumatur dwar il-food waste għall-programm mifrux u ko-ordinat tant tajjeb mill-WasteServ. Inizjattiva oħra li saret nhar il-Ħamis li għadda kienet li importaturi ewlenin poġġew fuq is-suq prodotti ta’ fama internazzjonali li jindirizzaw din il-problema.
Huwa kompla jgħid li jagħmillu kuraġġ qawwi l-fatt li flok ilmenti dwar il-problema, kien hemm tant nies u entitajiet li b’ħidmiethom urew li lesti jgħinu biex tinstab soluzzjoni biex il-problema tiġi mtaffija, indirizzata u anki idealment solvuta.
Il-Ministru Leo Brincat saħaq li din hija pjaga li qed jiffaċċjaw pajjiżi ta’ kull daqs u reġjun. Li jvarja huwa l-livell ta’ għarfien u impenn li wieħed isib bejn pajjiż u ieħor. Huwa kompla li grazzi għall-Food Waste Working Group li ħejja għadd ta’ rakkomandazzjonijiet għall-kunsiderazzjoni tal-Ministeru tiegħu, issa se jiġu kkonsultati l-istakeholders ewlenin kollha fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart bil-ħsieb li aktar tard jindirizzaw is-setturi ewlenin tas-soċjetà Maltija u Għawdxija.
Il-Ministru qal li l-Poster Competition għat-tfal dwar dan is-suġġett hija għodda effettiva kif jitwassal il-messaġġ b’mod dirett li jilħaq lil kulħadd, kif ukoll mezz effettiv kif titqajjem kuxjenza nazzjonali dejjem akbar dwar dan il-qasam f’pajjiżna. Qasam fejn kull min għandu għal qalbu l-ambjent għandu jgħin bil-fatti inkluż fuq livell ta’ volontarjat kemm permezz ta’ eNGOs kif ukoll ta’ għaqdiet volontarji oħra li jaħdmu b’risq is-soċjetà nnifisha.
“Huwa ta’ sodisfazzjon li l-kampanja Ewropea ta’ din il-ġimgħa qiegħda titnieda taħt il-patrunaġġ kemm tal-Kummissarju Ewropew Malti għall-Ambjent Karmenu Vella kif ukoll tal-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u l-Food Safety. Iżda l-akbar sodisfazzjon kien li kulħadd jidher li qed jaqbel li mill-kliem jeħtieg li ngħaddu għall-fatti” temm jgħid il-Ministru Brincat.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046