IR-RATA TAL-QGĦAD F’MALTA TAQA’ GĦALL-5.6%
Stqarrija maħruġa mill-Eurostat tindika li f’Ottubru Malta kellha t-tielet l-anqas rata tal-qgħad mill-pajjiżi kollha tal-UE b’5.6%.
Din hija l-anqas rata ta’ qgħad li qatt irregistrat il-Eurostat f’pajjiżna mindu bdiet tiġbor din l-istatistika fil-bidu tas-sena 2000. Jidher ċar li s-suq tax-xogħol huwa wieħed tajjeb u flessibli u dan qed iseħħ ghax l-ekonomija hija wahda dinamika. Minkejja dan, il-mira tal-Gvern hija li l-ħaddiema Maltin u Għawdxin ikomplu jakkwistaw l-ħiliet li għandhom bżonn għall-isfidi t’għada u jkomplu jaġġornaw ruħhom hekk kif numru ta’ industriji jkabbru l-operat tagħhom.
Qabel il-bidla fl-amministrazzjoni, ir-rata medja tal-qgħad f’pajjiżna kienet 6.9%. Li kieku pajjiżna llum għandu din ir-rata ta’ qgħad, kieku kien ikun hawn mal-13,500 persuna jfittxu xogħol. Frott il-politika ekonomika u soċjali ta’ din l-amministrazzjoni, il-problema tal-qgħad illum hija 20% anqas minn dan il-livell.
Skont iċ-ċifri tal-Eurostat, mill-bidla tal-amministrazzjoni, il-qgħad naqas minn 6.4% għal 5.6%, jew b’aktar minn elf persuna.
Minbarra dawn ir-riżultati eċċellenti, l-istatistika tal-Eurostat tindika wkoll titjib impressjonanti ħafna fejn tidħol ir-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ. F’Ottubru din niżlet għal 10.4% biss, kontra it-13.5% li kien hemm qabel il-bidla fl-amministrazzjoni. Pajjiżna issa qiegħed fir-raba’ post, b’distakk ta’ 2.7% mill-Ġermanja. Meta bdiet din l-amministrazzjoni, Malta kienet fil-ħames post, b’distakk ta’ 5.8% mill-Ġermanja. Irnexxielna nnaqqsu d-distakk bin-nofs.
F’dan il-baġit kien hemm diversi miżuri biex ikomplu jitnaqqsu l-qgħad, bħal Garanzija għaż-Żgħażagħ, skemi ta’ apprentistat u l-in-work benefits. Iddaħħlu diversi miżuri biex jinċentivaw lin-nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol, kif ukoll rajna ħafna xogħol isir għal persuni b’diżabilità biex dawn ikollhom aċċess għall-postijiet tax-xogħol. Biex il-qgħad jibqa’ b’dawn iċ-ċifri tant pożittivi, il-Ministeru huwa kommess biex ikompli jaħdem biex inqas żgħażagħ joħorġu mill-edukazzjoni mingħajr il-ħiliet neċessarji għax-xogħol, kif ukoll biex jgħin lil dawk l-adulti li jixtiequ jitgħallmu jew itejbu l-ħiliet tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046