Left arrow Go Back

MALTA: NIPPREMJAW IL-BŻULIJA - MEDIĊINI ORĦOS GĦALIK

pr142794
Date Icon 27/11/2014

Il-Ministru Helena Dalli tħabbar roħs ta’ aktar mediċini fosthom dawk użati għat-trattament tal-kanċer flimkien mat-twaqqif ta’ Drug Intelligence Unit li se sservi ta’ għodda f’idejn il-gvern biex ikun jista’ jinnegozja prezzijiet aħjar għall-konsumaturi

Għat-tielet darba f’din il-leġiżlatura, u fi spazju ta’ tmien ġimgħat, il-gvern qed iħabbar roħs ieħor sostanzjali fil-prezzijiet ta’ diversi mediċini li minnhom se jgawdi l-konsumatur.

Fost l-oħrajn, fil-ġranet li ġejjin se tkun qed torħos mediċina importanti bl-isem ta’ Arimidex li tintuża għat-trattament tal-kanċer tas-sider u li minn €164.66 se tkun qed tinbiegħ għall-prezz ta’ €66. Dan ifisser tnaqqis ta’ 60% fuq il-prezz oriġinali (roħs ta’ €98.66) li minnhom se jibbenefika l-konsumatur.

Fl-istess ħin, fil-jiem li għaddew traħħset b’mod qawwi l-mediċina Xeloda li wkoll tintuża għat-trattament ta’ diversi tipi ta’ kanċer fosthom dak tas-sider u tal-musrana l-kbira. Din il-mediċina rat roħs qawwi ta’ 65% fuq il-prezz oriġinali biex minn €550, issa din qed tinbiegħ għall-prezz ta’ €190. Hawnhekk, il-konsumatur se jkun qed jiffranka €360.

F’konferenza tal-aħbarijiet fi spiżerija ewlenija fil-Fgura, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli spjegat kif dan ir-roħs huwa riżultat ta’ ħidma konġunta bejn il-Ministeru, l-Awtorità dwar il-Mediċini u l-MCCAA u wkoll wara taħdidiet intensivi mal-importaturi u l-fornituri tal-mediċini.

Il-Ministru Dalli semmiet kif din hija t-tielet darba f’din il-leġiżlatura li l-konsumatur qed igawdi minn roħs sostanzjali fil-prezzijiet ta’ mediċini importanti, b’uħud użati għat-trattament tal-kanċer.

Spjegat kif ir-roħs ivarja minn 1% sa 65% u jkopri wkoll mediċini oħra użati għal min ibati mid-dijabete, ostjoporożi, pressjoni għolja u attakki tal-qalb fost l-oħrajn.

Filwaqt li l-gvern se jibqa’ kommess li l-konsumatur ikollu l-aqwa mediċini bl-orħos prezzijiet possibli, il-Ministru Helena Dalli ħabbret kif fil-ġimgħat li ġejjin, il-gvern se jkun qed iwaqqaf Medicines Intelligence and Access Unit fi ħdan l-Awtorità dwar il-Mediċini bil-għan li jistudja b’mod proattiv is-suq tal-mediċini. Dan għandu jservi ta’ għodda f’idejn il-gvern biex ikun jista’ jinnegozja prezzijiet aħjar għall-konsumatur.

Qalet li din il-ħidma se tkun waħda konġunta mas-Segretarjat Parlamentari għas-Saħħa u l-Awtorità dwar il-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA).

Iċ-Chairman tal-Awtorità dwar il-Mediċini l-Prof. Anthony Serracino Inglott spjega kif l-Awtorità qiegħda tahdem flimkien mal-MCCAA biex ikun assikurat li l-pazjenti jkollhom aċċess għall-medicini li mhux biss ikunu ta’ kwalità, iżda wkoll li jinbiegħu bl-iżjed prezz ġust għall-pazjent u li ma jkunux ogħla minn kemm jinbiegħu f’pajjiżi ohra Ewropej.

Qal li għalkemm fl-Ewropa teżisti sistema fejn il-prezzijiet mhumiex iffissati mill-gvern, l-Awtorità dwar il-Mediċini qed jirnexxielha tilħaq dan il-għan billi tuża sistemi ta’ intelligenza, konsultazzjoni u koperazzjoni mal-istakeholders kollha.

Prof. Serracino Inglott semma’ wkoll kif riżultat ta’ eżerċizzju li sar mill-Awtorità flimkien mas-Central Procurement Supplies Unit, huwa stmat li din is-sena l-gvern se jkun franka mal-€140,000 fuq il-prezz li bih jixtri tliet mediċini ewlenin hekk kif dawn inxtraw b’mod dirett u kienu reġistrati mill-gvern stess.

Iċ-Chairman tal-MCCAA s-Sur Marcel Pizzuto spjega kif l-MCCAA se tkun qed tagħmel il-monitoring neċessarju biex tassikura li dan ir-roħs fil-prezzijiet kif imħabbar jidħol fis-seħħ mill-aktar fis.

Lista sħiħa ta’ mediċini li se jkunu qed jorħsu tinsab annessa ma’ din l-istqarrija. Mehmuż ukoll lista ta’ mediċini ta’ ditti differenti flimkien mad-differenza fil-prezz.

F’każ ta’ kjarifiki dwar il-prezzijiet, il-pubbliku huwa mħeġġeġ iċempel lill-Awtorità dwar il-Mediċini fuq 23439111 bejn it-8.00am u 3.45pm.

PR142794a.pdfPR142794a.pdfPR142794b.pdfPR142794b.pdf

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow