MALTA BL-OGĦLA LIVELL TA’ OTTIMIŻMU FOST IL-PAJJIŻI TAŻ-ŻONA EWRO
Fix-xahar ta’ Novembru pajjiżna kellu l-ogħla livell ta’ ottimiżmu fost il-pajjiżi kollha taż-żona ewro. Stħarriġ xjentifiku ppublikat illum mill-Kummissjoni Ewropea, bħala kejl tas-sentiment ekonomiku, juri li l-livell ta’ ottimizmu f’Malta kien 12% akbar mill-medja taż-żona ewro u 8% ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropeja.
L-istatistika miġbura mill-Kummisjoni Ewropea turi li l-livell ta’ ottimiżmu f'pajjiżna huwa ’l fuq mill-medja rreġistrata mindu beda jsir dan l-istħarriġ tnax-il sena ilu. Wara li kienet waqgħet b’25% matul il-leġislatura li għaddiet, il-kunfidenza ekonomika f’Malta kibret bi kważi l-istess ammont mindu spiċċa l-Gvern preċedenti.
L-ottimiżmu fl-azjendi Maltin huwa ogħla minn dak Ewropew f’kull settur. Il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat li l-operaturi fl-industrija qed jistennew titjib fil-livell ta’ produzzjoni u għaldaqstant sejrin iżidu n-numru ta’ impjegati tagħhom. L-istess sentiment pożittiv jinħass fost l-azjendi fis-settur tas-servizzi.
Ferm inkoraġġanti kienu r-riżultati tal-istħarriġ fost il-kumpaniji tal-kostruzzjoni. Wara snin ta’ tnaqqis, fl-aħħar ir-rota reġgħet bdiet iddur u dan mistenni jwassal għal żieda fid-domanda għall-ħaddiema. L-istess qed jiġri fis-settur tar-retail, fejn l-aspettattivi tjiebu sewwa u l-kunfidenza dan ix-xahar laħqet rekord storiku.
L-ottimiżmu qed jinħass ukoll fost il-konsumaturi Maltin u Għawdxin. Dawn, fost oħrajn, qed jistennew li r-rata tal-qgħad tkompli tonqos u l-istess jiġri lill-inflazzjoni.
Dawn ir-riżultati jingħaqdu mal-figuri tal-Bank Ċentrali li jindikaw li d-depożiti tal-familji Maltin u Għawdxin ma’ banek lokali laħqu l-figura rekord ta’ €8.8 biljun. Dan hu €1.1 biljun, jew 15%, aktar mil-livell fil-bidu ta’ din l-amministrazzjoni.
Il-familji Maltin u Għawdxin qed jemmnu li Malta tinsab miexja fid-direzzjoni t-tajba u li l-qagħda finanzjarja tagħhom u tal-familja tagħhom se tkompli titjieb.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046