IL-GVERN HUWA KOMMESS LI JSAĦĦAĦ IL-POLITIKA TIEGĦU BIEX TKUN MISSIELTA KULL FORMA TA’ VJOLENZA
Kumitat inter-Ministerjali se jkun qed iressaq rapport dwar l-emendi li hemm bżonn isiru fil-liġi Maltija sabiex pajjiżna jkun konformi ma’ dak li titlob il-Konvenzjoni ta’ Istanbul
Fil-ftuħ ta’ seminar dwar il-Konvenzjoni ta’ Istanbul organizzat mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika biex jikkommemora l-Jum Internazzjonali għall-eliminazzjoni tal-vjolenza domestika, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli tkellmet fuq l-impenn tal-gvern għat-tisħiħ tal-politika tiegħu biex tkun missielta kull forma ta’ vjolenza.
Semmiet kif pajjiżna kien minn tal-ewwel li rratifika l-Konvenzjoni ta’ Istanbul f’Lulju li għadda, biex minn dan ix-xahar din daħlet fis-seħħ.
Dr Dalli spjegat kif fil-preżent għaddejja ħidma minn kumitat inter-Ministerjali li għandu jressaq rapport dwar l-emendi neċessarji li hemm bżonn isiru fil-liġi Maltija sabiex pajjiżna jkun konformi ma’ dak li titlob il-konvenzjoni.
Il-Ministru Dalli emfasizzat l-importanza tal-protezzjoni lill-vittmi u semmiet kif il-gvern qed jaħdem mill-viċin mal-akkademja tal-pulizija hekk kif il-membri tal-korp ħafna drabi jkunu l-ewwel punt ta’ referenza mal-vittmi ta’ vjolenza. Semmiet kif il-pulizija qed ikomplu jirċievu aktar taħriġ dwar dan il-qasam biex ikunu jafu kif għandhom jaġixxu f’sitwazzjonijiet simili.
Fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, Dr Dalli semmiet ix-xogħol li qed jagħmel is-Sexual Assault Response Team li twaqqaf f’Marzu li għadda permezz ta’ public social partnership bejn il-gvern u l-Victim Support Malta.
Helena Dalli emfasizzat ukoll l-importanza tal-prevenzjoni ta’ kull forma ta’ vjolenza. F’dan ir-rigward semmiet kif il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika għaddejja b’kampanji t’għarfien fosthom dik f’diversi bus shelters bl-użu ta’ diversi posters bil-għan li jitwassal messaġġ li l-vjolenza m’għandhiex età, orjentazzjoni sesswali jew sess.
Is-seminar kien indirizzat ukoll miċ-Chairperson tal-Kummissjoni Dr Yana Micallef Stafrace kif ukoll minn Dr Marceline Naudine u minn Dr Roberta Leprè.
Għal dan is-seminar kienu mistiedna membri mill-Ġudikatura, Avukati, Pulizija, Ħaddiema Soċjali kif ukoll nies li għaddew minn esperjenza ta’ vjolenza domestika.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046