IL-ĦTIEĠA TAT-TNAQQIS TAL-ISKART
Għandna l-provi li l-kuxjenza pubblika qed tiżdied bil-fatti u l-figuri – il-Ministru Leo Brincat
Waqt li kien qed iżur wirja ta' inizjattivi mill-kompost implimentati mill-iskejjel u l-NGOs u Workshop dwar it-tnaqqis tal-iskart mill-ikel ġewwa l-WasteServ, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat qal li meta tqajjem kuxjenza pubblika dwar problema bħall-ħtieġa tat-tnaqqis tal-iskart ma jfissirx li tkun solvejt il-problema, iżda min-naħa l-oħra jekk in-nies u l-awtoritajiet ma jurux li huma konxji tal-problema, ħadd żgur ma huwa ser jindenja ruħu jfittex u jsib u japplika soluzzjonijiet għall-istess problema.
Huwa kompla li ż-żieda ta’ 30% f’attivitajiet lokali marbutin mat-tnaqqis tal-iskart fil-Ġimgħa Ewropea ddedikata għal din il-problema hija xhieda fiha nnifisha li l-kuxjenza pubblika qed tikber u tiżdied bil-fatti u l-figuri. Barra minn hekk, il-firxa tal-parteċipanti hija inkoraġġanti daqs l-għadd tagħhom li din is-sena tela’ minn 66 għal 86, fejn insibu minn skejjel ta’ kull livell, dak primarju sa sekondarju, sa restoranti, kumpaniji tal-elettronika, bakery shops, għaqdiet bħal Kunsill Nazzjonali tan-Nisa, fondazzjonijiet inkluż dawk ta’ riċerka, Ċentri tan-Negozju (Business Centres); movimenti u għaqdiet taż-żgħażagħ inkluż dawk universitarji, banek ewlenin, lukandi, kumpaniji tal-assigurazzjoni, eNGos, intrapriżi kbar bħal Freeport Terminals Ltd u Kunsilli Lokali. Huwa qal li s-sehem tal-għaqdiet u rappreżentanza Għawdxija ma jistgħux ma jiġux innutati wkoll b’interess u apprezzament.
Il-Ministru qal li strumentali f’dan il-proċess kollu kienet il-WasteServ innifisha li serviet ta’ mutur u katalista biex jinkisbu dawn l-għanijiet b’konformità ma’ dak li kien mistenni minnha f’din il-ġimgħa importanti Ewropea. B’mod parallel mal-inizjattivi li diġà ħa u qed jieħu l-gvern dwar it-tnaqqis tal-iskart mill-ikel permezz tal-hekk imsejjaħ Food Waste, huwa xtaq juri l-apprezzament tiegħu li apparti minn enfasi xierqa fuq ir-riċiklaġġ tal-iskart, din is-sena għadd ta’ entitatjiet daħlu għal dawk li qed jissejħu l-Food Waste Reduction Award.
Huwa kompla li t-tagħlima minn dan kollu hija li ebda entità ma tista’ ssolvi l-problema tal-iskart waħedha, iżda fl-istess waqt mingħajr l-impenn u s-sehem ta’ kulħadd il-problema tibqa ma tiġix indirizzata.
“Kollox jindika li r-rankatura qabdet sew. Issa dmir tagħna li niżguraw li tibqa għaddejja bla waqfien, billi saħansitra żżid il-pass tagħha,” temm jgħid il-Ministru Brincat.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046