TLIETA MINN KULL ĦAMES PERSUNI LI SPIĊĊAW BLA XOGĦOL FL-AMMINISTRAZZJONI PREĊEDENTI SABU IMPJIEG FL-AĦĦAR 20 XAHAR
Ċifri tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ jindikaw li, fi tmiem Ottubru, kien hemm tnaqqis ta’ 683 persuna minn fuq ir-reġistru tal-qgħad meta mqabbel mal-bidu ta’ din l-amministrazzjoni, jew persuna anqas fuq ir-reġistru tal-qgħad kuljum. B’kuntrast, taħt il-Gvern preċedenti, il-qgħad kien tela’ b’1,111 persuna, jew kważi persuna aktar kuljum.
It-titjib fil-qasam tax-xogħol kien mifrux sewwa.
L-aktar li gawdew mit-tkabbir fl-impjiegi kienu ż-żgħażagħ. Fost dawk ta’ anqas minn 25 sena, in-numru ta’ dawk jirreġistraw naqas bi 361, jew kwazi 30%.
Anke f’kategorija li s-soltu ssibha aktar diffiċli biex issib impjieg, in-nies qiegħda li għandhom aktar minn 45 sena, kien hemm tnaqqis ta’ 143 persuna jfittxu xogħol.
F’Ottubru kien hemm ukoll tnaqqis fl-ammont ta’ dawk li ilhom jirreġistraw għal aktar minn sena, filwaqt li l-qgħad f’Għawdex kien 2.2% anqas milli kien fil-bidu ta’ din il-leġislatura.
Din l-istatistika turi kif, bil-fatti, il-Gvern qed ikollu suċċess fil-ħidma tiegħu biex jinħolqu l-opportunitajiet u jonqsu d-dipendenzi. Kull ġurnata f’din il-leġislatura kien hemm persuna anqas li mhijiex f’pożizzjoni li taqla l-għejxien tagħha.
Minflok, issa dawn il-mijiet ta’ persuni qegħdin jaqilgħu paga, jsostnu l-familja tagħhom, jonfqu flushom fl-ekonomija u jħallsu t-taxxi.
Għad fadal ħafna xogħol x’isir f’dan il-qasam, imma f’għoxrin xahar diġà nħoloq l-ambjent ekonomiku neċessarju biex jiġu impjegati tlieta minn kull ħamsa li kienu spiċċaw qiegħda fil-ħames snin tal-Gvern preċedenti. Fil-fatt in-numru ta’ nies jirreġistraw naqas għall-inqas livell minn Diċembru 2011.
Bil-miżuri li ħa l-Gvern fil-Budget 2015, jeżisti ottimiżmu li din ix-xejra pożittiva se tibqa’ tirranka fix-xhur li ġejjin. Dan huwa Gvern li jisma’ u li jwettaq, u fuq kollox, Gvern li jippremja l-bżulija.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046