Left arrow Go Back

IL-KUNSILL MALTI GĦALL-IŻVILUPP EKONOMIKU U SOĊJALI JIDDISKUTI L-ABBOZZ TA’ LIĠI DWAR L-AZZJONI FAVUR IL-KLIMA

PR142768
Date Icon 24/11/2014

Liġi maħsuba biex tiżgura li l-impenn tal-ġenerazzjoni tal-lum u tal-ġejjieni favuriha jibqa’ wieħed sħiħ u kontinwu

F’laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, is-sħab soċjali ddiskutew qafas ta’ liġi għal azzjoni favur il-klima.

F’kumment ta’ introduzzjoni, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Helena Dalli, fissret ir-relevanza li għandu dan is-suġġett għall-MCESD hekk kif il-klima taffettwa l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiż.

Dr Dalli enfasizzat l-importanza tar-reazzjonijiet tas-sħab soċjali f’dan il-qasam.

Fi preżentazzjoni li għamel, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, Leo Brincat, qal li din il-liġi mhux biss ser titwettaq għax tinsab fil-programm elettorali tal-gvern iżda hija maħsuba biex tiżgura li l-impenn tal-ġenerazzjoni tal-lum u tal-ġejjieni favuriha jibqa’ wieħed sħiħ u kontinwu.

Huwa qal li din il-liġi ser titressaq f’jiem storiċi fil-proċess tat-tibdil tal-klima, fost l-oħrajn minħabba s-summit li organizza s-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, Ban Ki-Moon, għall-mexxejja dinjija f’Settembru li għadda u wkoll fid-dawl tal-ftehim storiku milħuq mill-mexxejja Ewropej ix-xahar li għadda, meta approvaw l-hekk imsejjaħ Qafas dwar il-Klima u l-Enerġija 2030.

Il-Ministru Brincat semma kif din il-liġi se tkun qed titressaq ukoll fid-dawl tal-ftehim globali li huwa ttamat li jintlaħaq f’Diċembru tas-sena d-dieħla f’Pariġi. Huwa qal li huwa ttamat li għall-ewwel darba fl-istorja, ikun hemm ftehim bi rbit legali bejn il-pajjiżi kollha dwar l-obbligi u d-dmirijiet tagħhom f’dan il-qasam li llum kiseb dimensjoni mhux biss ambjentali, iżda anki ekonomika, soċjali u ġeostrateġika.

Il-Ministru Leo Brincat radd ħajr lil dawk kollha li offrew is-suġġerimenti u proposti tagħhom għal dan l-abbozz, inkluża l-Oppożizzjoni, u ħabbar li l-istess nies tekniċi li ħejjew l-abbozz se jkunu qed jiflu s-suġġerimenti ewlenin frott tal-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, mingħajr ebda preġudizzji iżda b’mod prattiku, ħalli meta l-liġi titressaq fil-Parlament ikun hemm għal-lest emendi pożittivi wkoll.

Temm jgħid li filwaqt li sa ftit ilu s-suġġett tal-klima bħal dak tal-ambjent kien meqjus bħala wieħed ta’ xkiel għall-ekonomija, illum kull ma jmur qed tiżviluppa sinerġija effettiva bejn iż-żewġ naħat, b’tali mod li qed jikber l-għarfien li dawn l-oqsma lkoll bżonn xulxin biex javvanzaw b’mod għaqli u sostenibbli.

Min-naħa tagħha, il-Prof. Simone Borg, Ambaxxatriċi ta’ Malta dwar il-Klima, li kienet waħda mill-kontributuri ewlenin għat-tfassil ta’ dan l-abbozz, fissret il-ħsieb wara għadd ta’ strutturi maħsuba fil-liġi bl-iskop li din tkun tista taħdem u titħaddem b’mod prattiku, li jgħinha tilħaq l-għanijiet tagħha.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow