Left arrow Mur Lura

​DISKORS TAL-MINISTRU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI DR. OWEN BONNICI WAQT KONFERENZA TAL-AĦBARIJIET DWAR L-ABBOZZ TA’ LIĠI DWAR ID-DIPENDENZA FUQ ID-DROGA (TRATTAMENT MHUX PRIĠUNERIJA)

PR142766
Date Icon 24/11/2014

Fil-politika qegħdin hawn biex nieħdu deċiżjonijiet. Stajna ma aġixxejniex, stajna nibqgħu nipposponu u stajna ngħidu li d-drogi huwa suġett jaħraq u allura ma mmissuħx.

Għażilna pero’ li nerfgħu r-responsabbiltajiet tagħna u ftaħna proċess wiesa’ ta konsultazzjoni biex flimkien iddiskutejna. Il-konsultazzjoni dwar il-white paper li titratta r-riforma fil-liġijiet dwar id-drogi tal-abbuż kienet suċċess. U nista’ ngħid li permezz tagħha l-Gvern sema l-veduti tal-ikbar firxa wiesgħa ta’ nies – minn vittmi preżenti sa persuni li ħarġu mill-vizzju, u minn ġudikanti u avukati sa social workers, entitajiet importanti, żgħażagħ u pubbliku ġenerali.

Minn dan il-proċess ta konsultazzjoni rrizulta li minkejja suġġerimenti differenti, s-sentiment ġenerali kien li hemm bżonn riforma urġenti biex il-vittmi tad-drogi jingħataw iktar għajnuna, u mhux jintefgħu f’iktar problemi. Fl-istess waqt teżisti l-ħtieġa li tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar.
Il-fehmiet differenti li daħħlu ġew kkunsidrati u analizzati mill-Gvern waqt u fuqhom tfasslet il-liġi. Illum ser inħabbru l-abbozzta liġi li hija ċara prattika u taf fejn trid tmur.
Bħal ma dejjem sostnejt irridu mmorru għal sitwazzjoni fejn insaħħu l-għajnuna għal vittmi ġenwini tad-droga filwaqt li nsaħħu l-impenn kontra t-traffikanti puri li jbiegħu d-drogi għall-profitt.
Lil-ħutna li qed jitfarrku bil-vizzju tad-droga se nkunu qed ngħinuhom biex iqumu fuq saqajhom. Dawn ħutna jinħtieġu l-għajnuna, mhux sentenza ta’ ħabs.

Il-punti ewlenin tal-Abbozz dwar id-Dipendenza fuq id-Droga (Trattament mhux Priġunerija) huma:

• Prosekuzzjonijiet għall-pussess għall-użu personali ta' kwantitajiet żgħar ta' drogi (massimu ta' 2 grammi jew ta' 2 pilloli "ecstasy" jew ekwivalenti) se jitwettqu mill-Pulizija skont l-Att dwar il-Kummissarji għall-Ġustizzja u dak il-pussess se jkun soġġett għal pieni li jvarjaw minn €75 għal €125. Pussess għall-użu personali tal-kannabis jew ta' raża tal-kannabis se tkun soġġetta għal firxa iżgħar ta' pieni (minn €50 sa €100).

• Fuq it-tieni kundanna quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja, jew it-tieni ħlas volontarju tal-piena, persuna għandha tiġi riferita lill-Bord għar-Riabilitazzjoni ta’ Min Wettaq Reati ta’ Droga (Drug Offenders Rehabilitation Board) li qed jiġi propost fil-liġi u li se jieħu passi biex jassisti għar-riabilitazzjoni ta’ dik il-persuna. Persuna ħatja għat-tieni reat jew reat sussegwenti ta' pussess ta' kannabis jew ta' raża tal-kannabis se tkun riferita biss lil dan il-Bord jekk il-Kummissarju għall-Ġustizzja huwa sodisfatt li l-ħati x’aktarx se  jabbuża minn drogi oħra jew jekk il-ħati ma jidhirx quddiem il-Kummissarju anki jekk il-piena tkun ġiet imħallsa volontarjament;

• Il-Qorti tal-Maġistrati li tkun qed tisma’ l-kawża dwar offiżi tad-droga li skond il-linji gwida ppubblikati reċentement m'għandhomx jiġu riferiti lill-Qorti Kriminali jew li jinvolvu reati oħra li mhumiex soġġetti għal aktar minn seba’ snin priġunerija u li ma jkunux jikkonsistu f’reati volontarji fuq il-persuna, reati mwettqin bl-użu ta' arma jew ir-reati li jinvolvu l-użu ta' nar jew splussivi, tista', jekk tkun sodisfatta li l-kawża tar-reat hija d-dipendenza fuq id-droga, tikkonverti ruħha f'Qorti tad-Drogi u tirreferi l-akkużat lill-Bord għar-Riabilitazzjoni ta’ Min Wettaq Reati ta’ Droga (Drug Offenders Rehabilitation Board)  għat-trattament. Jekk l-akkużat ma jikkoperax mal-Bord, il-każ  jiġi riferut lura lill-Qorti u  jkompli jinstema bħallikieku riferenza lill-Bord qatt ma saret.

• Jekk f'perjodu ta' 18-il xahar il-Bord jirraporta lill-Qorti li r-riabilitazzjoni kienet ta' suċċess, il-Qorti se tkun intitolata li tirrikjama il-prosekuzzjonijiet kriminali pendenti kontra l-akkużat quddiem il-Qrati kollha u li jaqgħu taħt il-kompetenza oriġinali tagħha jew taħt il-kompetenza estiża (10 snin priġunerija) biex jinstemgħu quddiemha u se tkun intitolata wkoll li ma tapplikax perjodu obbligatorju ta' priġunerija stabbilit bil-liġi jew li tapplika ordni ta' probation jew sentenza sospiża.

• Matul iż-żmien meta l-akkużat ikun ġie riferut lill-Bord għar-Riabilitazzjoni ta’ Min Wettaq Reati ta’ Droga (Drug Offenders Rehabilitation Board), il-każ għandu jkompli jinstema’ quddiem il-Qorti iżda  ma jistax jiġi deċiż.

• Il-kultivazzjoni ta' pjanta tal-kannabis li tipproduċi kwantità żgħira għall-użu personali mhux se jibqa' jkun soġġett għal perjodu obbligatorju ta' priġunerija jew għall-esklużjoni tal-applikazzjoni għal probation jew sentenza sospiża.

• Preparazzjonijiet mediċinali tal-pjanti tal-kannabis jistgħu jkunu preskritti minn tabib speċjalista jekk m'hemmx alternattivi vijabbli.

• L-użu tal-pjanti tal-kannabis jista' wkoll jiġi preskritt minn tabib speċjalista bl-approvazzjoni tas-Suprentendent tas-Saħħa Pubblika li jista' wkoll jimponi kundizzjonijiet.

• Ser jiġi stabbilit Bord għall-Pariri dwar il-Politika fl-Għoti tal-Pieni (Sentencing Policy Advisory Board) bl-iskop li jabbozza sentencing policies fir-rigward ta' reati tad-droga sabiex jipprova jiżgura konsistenza bejn il-pieni mogħtija mill-Qrati differenti. Il-Ministru jista' jestendi l-mandat tal-Bord għal reati oħra.

• Il-pussess ta' drogi pprojbiti xorta se jibqa' soġġett għal arrest speċjalment sabiex jippermetti lill-pulizija biex tinvestiga reati relatati aktar serji.

• Il-benefiċċji tal-Att ma japplikawx għal persuni li jbiegħu drogi fil-viċinanza ta' skejjel, klabbs taż-żgħażagħ jew istituzzjonijiet simili; għal reati tad-droga relatati mal-faċilitajiet korrettivi; għal persuni li jbiegħu drogi  lill-minuri, lin-nisa tqal jew lill-persuni li jkunu qed jagħmlu l-programm ta' riabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow