Left arrow Go Back

MALTA MHIJIEX F’POŻIZZJONI LI TAGĦTI L-APPOĠĠ TAGĦHA GĦAL REGOLAMENTI ĠODDA TAL-UE DWAR XIRI PUBBLIKU – IL-MINISTRU CARDONA

PR142746
Date Icon 22/11/2014

Il-Minsitru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr Chris Cardona attenda u pparteċipa f’laqgħa oħra tal-Kunsill  għall- Affarijiet Barranin dwar il-Kummerċ, li kellu fost l-oħrajn fuq l-aġenda tiegħu r-Regolament tal-Kunsill dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea, ix-Xiri pubbliku u l-ftehim Transatlantiku ta' Kummerċ u Investiment bejn l-UE u l-Istati Uniti.

Dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea, il-Ministru Cardona qal li Malta tisħaq fuq il-pożizzjoni tagħha favur status quo dwar ir-regola tal-inqas dazju.

“It-tibdiliet li saru f’dan il-kompromess ma jindirizzawx l-implikazzjonijiet finanzjarji li ħa jġibu magħhom it-tibdiliet fuq l-applikazzjoni ta’ din ir-regola. Jekk ħa nkomplu nisħqu għal-tibdil fir-regola tal-inqas dazju, Malta ma tarax lok biex jitkomplew diskussjonijiet fuq dan is-suġġett” saħaq Dr Cardona.

Dwar ix-Xiri Pubbliku, l-Ministru Cardona qal li Malta temmen li r-regolamenti li qed jiġu proposti aktar milli se jiftħu s-swieq ta’ pajjiżi terzi f’dak li huwa akkwist pubbliku, se jkunu qed jipperikolaw ir-relazzjonijiet bilaterali ta’ l-Unjoni Ewropea ma l-imsieħba kummerċjali ewlenin. Dan ir-regolamenti jista’ jwassal għal ritaljazzjoni u aktar protezzjoniżmu kontra l-Unjoni Ewropea.

“Biex jinfetħu s-swieq ta’ pajjiżi terzi f’dak li huwa akkwist pubbliku, minflok ma tirrikorri għall-miżuri punittivi li ħafna drabi jiġbdu reazzjoni negattiva, l-Unjoni Ewropea teħtieġ li tinnegozja u tiddjaloga ma’ pajjiżi terzi bħal ma jiġri fit-trattati tal-Kummerċ tal-Unjoni Ewropea” qal il-Ministru Cardona. Dan filwaqt li saħaq li f’dan ir-rigward Malta mhix f’pożizzjoni li tagħti l-appoġġ tagħha għal dan ir-regolament.

Dwar il-ftehim Transatlantiku ta' Kummerċ u Investiment bejn l-UE u l-Istati Uniti, l-Ministru Cardona filwaqt li rringrazzja lill-Presidenza għall-isforzi tagħha fit-tfassil tal-konklużjonijiet, rriaferma l-appoġġ ta’ Malta lill-kummissjoni f’dawn in-negozjati diffiċli. Il-konklużjonijiet abozzati mill-Presidenza jenfasizzaw l-aktar elementi mportanti li jeħtieġ li jiġu ndirizzati f’dan l-istadju tan-negozjati, bħat-trasparenza, il-komunikazzjoni mas-soċjeta ċivili u l-importanza ta’ riżultat ambizzjuż.

F’dawn il-laqgħat il-Ministru Cardona kellu wkoll l-okkazjoni jiltaqa’ għal ewwel darba ma’ Federica Mogherini, r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow