L-ARJA NADIFA: PRIJORITÀ BIL-FATTI – IL-MINISTRU LEO BRINCAT
Il-ħtieġa ta’ arja nadifa kienet fiċ-ċentru tal-programm elettorali ta’ dan il-Gvern.
Dan qalu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostennibli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima Leo Brincat meta kien qed iżur l-Air Quality Monitoring System fl-Istitut tax-Xjenza Applikata fl-MCAST.
Huwa qal li l-Gvern f’dawn l-aħħar xhur għamel l-aktar żewg passi importanti u sinifikanti li qatt għamlet xi amministrazzjoni f’dawn l-aħħar snin favur kwalità tal-arja aħjar u dan għamlu bil-fatti fejn ħejja għall-konverżjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku għall-gas, li jniġġes ferm anqas mill-heavy fuel oil. Kif ukoll għamel dak li kellu jsir kwart ta’ seklu ilu - li jinbeda l-proċess biex jitnaddaf is-sit tal-Marsa Power Station – xi ħaġa li mhux biss se tagħti nifs lin- nies tal-Marsa, Ħamrun, Raħal il-Ġdid u tan-nofsinhar ta’ Malta, iżda li sejra twassal ukoll għall-arja aktar nadifa għar-residenti ta’ dawn l-inħawi u għal dawk kollha li għal xi raġuni jew oħra jridu jgħaddu minn din iż-żona.
Huwa saħaq li din hija wegħda li nkisret minn ħaddieħor għal tant snin iżda li llum qiegħda titwettaq. Wegħda li l-ksur tagħha apparti minn impatt fuq is-saħħa ambjentali kellha wkoll impatt dirett fuq it-taxpayers Maltin u Għawdxin minħabba l-penali tal-Unjoni Ewropea li konna ġejna suġġetti għalihom talli gvernijiet preċedenti ma kienux onoraw din il-wegħda.
Il-Ministru tenna li daqstant ieħor il-ħtiega ta’ arja nadifa ser tkun prijorità għall-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi li se titwaqqaf is-sena li ġejja. Sabiex juru impenn serju mhux se jieqfu biss billi jsaħħu l-monitoraġġ iżda wkoll billi jieħdu passi preventivi u pro-attivi bħala lquħ għall-kontra dan it-tip ta’ tniġġis li jikkawża tant ħsara ambjentali.
Huwa kompla li l-istess kif il-gvern wera impenn sa mill-bidu nett li jmur għall-enerġija nadifa, jridu jaraw li anki fejn jidħlu attivitajiet industrijali u scrapyards li mhux bilfors huma regolati minn IPPC permits, ikun hemm ‘compliance’ u infurzar serju fuq l-operat tagħhom, flimkien mar-riżorsi umani biex dan ikun jista jsir f’mod effettiv.
Bħala Ministeru se jkomplu jsegwu wkoll b’mod attiv kif se jiżviluppaw il-proposti għall-pakkett ta’ miżuri ġodda dwar il-kwalità tal-arja li kienet nediet il-Kummissjoni Ewropea f’Diċembru li għadda. Filwaqt li t-tniġġis tal-arja kkawżat mit-traffiku se jkun fuq quddiem nett tal-isfidi ta’ pajjiżna, huwa qal li ma nistgħux inpoġġu fil-ġenb periklu ieħor ta’ tniġġis tal-arja li dwaru l-WHO – World Health Organisation tant qed tisħaq fuqu – it-tniġġis ikkawżat fid-djar infushom, dak li jissejjaħ Indoor Air Pollution.
Il-Ministru saħaq li dan kollu impenjati li jagħmluh għaliex jemmnu li arja nadifa hija dritt għal kull ċittadin, kif ukoll għaliex uliedna jixirqilhom arja aktar nadifa għax saħħithom tiġi qabel kollox.
Filwaqt li wera l-apprezzament tiegħu għall-monitoraġġ tal-arja li qed jsir fl-MCAST, tenna l-impenn tal-gvern li jsaħħaħ il-funzjoni regolatorja tiegħu f’dan is-settur kif inhuwa dmir u obbligu tiegħu li jagħmel.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046