Left arrow Mur Lura

GĦALL-EWWEL DARBA GĦANDNA GVERN LI POĠĠA L-FOOD WASTE (L-ISKART MILL-IKEL) FUQ L-AĠENDA NAZZJONALI -

PR142738
Date Icon 21/11/2014


‘Għall-ewwel darba għandna Gvern li poġġa l-Food Waste fuq l-aġenda nazzjonali. B’żieda ma’ dan, is-suġġerimenti tal-Working Group fuq il-Food Waste ser ikunu fuq quddiem nett tal-kampanja edukattiva dwar l-iskart.’

Dan qalu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat meta kien qed jindirizza u jiftaħ  il-konferenza nazzjonali dwar il-Food Waste ‘A Strategy for the Prevention and Reduction of Food Waste’ organizzata mill-Kunsill Nazzjonali Malti tan-Nisa li kienet sponsorjata mill-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima nnifsu.

Huwa qal li wieħed irid iżomm f’moħħu li l-ħela tal-ikel tista’ tibda propju minn dak l-istadju fejn l-ikel ikun prodott u proċessat u mhux biss fl-istadju tal-konsum. Madwar id-dinja, madwar terz tal-ikel prodott għall-konsum mill-bniedem jintilef jew jinħela, filwaqt li fl-Unjoni Ewropea innifisha jiġi ġġenerat madwar 90 miljun tunellata ta’ skart mill-ikel kull sena.

Il-Ministru tenna li dan ma jfisser xejn ħlief ħela ta’ riżorsi bħal l-ilma, l-enerġija, l-fertilizzanti u anki l-art, kif ukoll impatt negattiv fuq it-tibdil fil-klima minħabba żieda fil-‘carbon footprint’ globali li huwa stamt li jilħaq id-doppju tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra li kienet tipproduċi l-Istati Uniti sa ftit tas-snin ilu.

Huwa kompla li f’dinja fejn il-faqar soċjali u reali jkompli tiela l-fuq minkejja kull tkabbir ekonomiku, wieħed jinnota li sfortunatament l-iskart mill-ikel ixekkel u jimblokka kull attentat għat-tnaqqis tal-faqar innifsu, kif ukoll sabiex tittejjeb is-sigurta’ globali fl-ikel. Għadd ta’ għaqdiet globali inkluż il-Food and Agriculture Organisation tal-Ġnus Magħquda nnifisha qed juru tħassib serju dwar dan. 

Meta tkellem dwar il-Food Waste Working Group li ġie mwaqqaf fl-aħħar ta’ Ġunju li għadda, filwaqt  li radd ħajr lill-membri kollha ta’ dan il-Grupp- li tlaqqa taħt iċ-Chairperson Ms Lisa Cassar Shaw - għar-rakkomandazzjonijiet tagħhom u  għall-kontribut li taw, il-Ministru Brincat  qal li mir-rapport  ħareġ ċar li kulħadd jrid jagħti sehmu biex din il-kampanja kontra l-ħela mill-ikel tagħti r-riżultati mixtieqa. Mill-familji nfushom għall-lukandi u stabbilimenti tal-akkomodazzjoni, r-restoranti, s-snack bars u take away kiosks, dawk li bħala ‘suppliers’  jipprovdu l-ikel u x-xorb, il-confectioners, min imexxi l-canteens flimkien mat-tuck shops fl-iskejjel.

Huwa kompla li ma’ dawn wieħed irid iżid ukoll kull tip ta’ ‘outside catering’, mill-funzjonijiet pubbliċi bħat-tiġijiet, il-catering tal-linji tal-ajru kif ukoll l-ikel fl-isptarijiet u d-djar tal-anzjani.

Il-Ministru tkellem ukoll dwar l-akbar sfidi li għandhom quddiemhom il-familji Maltin u Għawdxin, primarjament li:

·       Hemm bżonn ta’ ppjanar aħjar meta jinxtara l-ikel

·       Għandhom jiġu miflija x-xejriet tal-konsum innifsu

·       Id-drawwiet dwar l-ikel tal-ulied, li ħafna drabi jinbdew hażin sa minn ċkunithom,  minħabba ‘marketing campaigns’ u ‘special offers’ li jwasslu għal aktar xiri milli meħtieġ

·       Il-ħtieġa li ssir distinzjoni aktar ċara ta’ FIFO – First In First Out Policy fejn il-familji għandhom jitgħallmu jiddistingwu aktar bejn Best Before u  Expiry Dates

·       Nuqqas ta’ galbu fil-mod kif l-ikel ġieli jiġi ffriżat ħażin jew mhux bit-temperaturi xierqa

·       Id-daqs tal-porzjonijiet li ġieli jkunu sproporzjonati u mhux maħsubin tajjeb biżżejjed

Il-Ministru Brincat qal li minn dan kollu toħroġ ċara l-ħtieġa ta’ kampanja intensiva ta’ edukazzjoni u informazzjoni li trid tkun immirata b’mod differenti għal faxex differenti tas-soċjeta’. Daqstant ieħor hemm bżonn li jitħaffef il-proċess biex tiġi introdotta sistema separata għall-ġbir tal-iskart mill-ikel tal-familji Maltin u Għawdxin.

Huwa kompla li jenħtieġ li jiġi inkoraġġit aktar il-composting tal-iskart meqjus biodegradabbli. Filwaqt li l-istess kif hemm kampanja nazzjonali li tipprovdi għat-tnaqqis tal-iskart inġenerali, daqstant ieħor pajjiżna għandu bżonn urġenti tal-introduzzjoni ta’ Food Waste Prevention Programme ħalli din il-ħela tiġi minimizzata kemm jista jkun.

Huwa saħaq li ċ-ċittadini jenħtieġu wkoll li jiġu aġġornati dwar kemm in-nefqa attwali tal-kunsilli lokali rispettivi tagħhom qed tiġi milquta direttament, kemm il-darba s-sistemi ta’ immaniġġjar tal-iskart fil-lokalitajiet ma tkunx qed issir bil- galbu meħtieġ. 

Il-Ministru ħabbar li r-rapport tal-Working Group, li kien jinkludi fih rappreżentanti ta’ diversi setturi fosthom anki tal-Oppożizzjoni, jagħmel ukoll għadd ta’ rakkomandazzjonijiet - fosthom uħud radikali u kuraġġużi - anki fejn jidħlu stabbilimenti tal-ikel u tal-catering li jenħtieġ li jiġu studjati mingħajr telf ta’ żmien żejjed.

Il-Ministru Brincat radd ħajr lill-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa għal din l-inizjattiva, talli bis-sehem dirett tagħhom irnexxielhom ipoġġu suġġett li sa ftit ilu qajla konna nitkellmu dwaru, fiċ-ċentru tal-attenzjoni pubblika u anki tal-kampanja edukattiva li l-Ministeru ser iniedi fil-jiem li ġejjin.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow