MALTA FAVUR INVOLVIMENT AKBAR TAL-ISTATI MEMBRI FIT-TĦEJJIJA TAL-PROGRAMM TA’ ĦIDMA TAL-KUMMISSJONI EWROPEA
Is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza tal-Unjoni Ewropea u l-Fondi Ewropej, Dr Ian Borg, ħa sehem fil-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali fi Brussell, li matulha ġie diskuss kif se tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-programm annwali u multiannwali.
Fil-laqgħa ġie enfasizzat il-bżonn li l-Kunsill, magħmul mill-Istati Membri kollha, jiġi involut kmieni waqt li qed jitħejja l-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kunsill qabel, li sal-aħħar ta’ din is-sena jadotta dikjarazzjoni li tissiġilla l-intenzjoni tal-istituzzjonijiet li jaħdmu flimkien fl-ipprogrammar leġislattiv interistituzzjonali.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Ian Borg saħaq li l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tinsab fit-Trattat u li l-istituzzjonijiet għandhom jagħmlu dan b’mod konkret. Żied jgħid li Malta tenfasizza din il-kooperazzjoni, fid-dawl tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE fl-2017.
Matul il-laqgħa, kien approvat ukoll abbozz tal-aġenda tal-Kunsill Ewropew li se jitlaqqa’ fit-18 u d-19 ta’ Diċembru, u li mistenni jiddiskuti l-pjan ta’ investiment ta’ €300 biljun, propost mill-President Jean Claude Juncker. Filwaqt li esprima l-entużjażmu għal din l-inizjattiva, is-Segretarju Parlamentari Ian Borg saħaq fuq il-ħtieġa ta’ azzjoni immedjata biex jintlaħqu l-miri tal-inizjattiva, inkluz dik ta’ aktar impjiegi.
Il-Kunsill iddiskuta wkoll l-enerġija u l-politika dwar it-tibdil fil-klima. Dr Ian Borg enfasizza l-bżonn li l-flessibilità maqbula fl-Kunsill Ewropew, tiġi trasmessa b’mod leġislattiv. Semma wkoll ir-rabta bejn l-infrastruttura u s-sigurtà fil-provvista tal-enerġija, filwaqt li enfasizza l-importanza tar-reġjun tal-Mediterran fid-diskussjonijiet dwar l-interkonnessjoni tal-enerġija kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll u ma’ pajjiżi terzi.
Links għall-videos:
http://tvnewsroom.consilium.europa.eu/video/roundtable38348106085946573
http://tvnewsroom.consilium.europa.eu/video/general-affairs-council-roundup8
Ritratti meħudin minn:
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046