STQARRIJA TAL-GVERN
L-eks Ministru tal-Finanzi jikkontradixxi lilu nnifsu bi kliemu stess
Id-dikjarazzjonijiet żbaljati tal-Oppożizzjoni qed ikomplu jnaqqsu l-kredibbiltà ta’ min, darba wara l-oħra, qed juri li ma jifhimx fl-ekonomija.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni Tonio Fenech illum qal li, wara l-baġit ippreżentat għall-2015, id-dejn nazzjonali se jaqbeż il-livell ta’ sebgħin fil-mija tal-prodott gross domestiku għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna. Din hija dikjarazzjoni assolutament skorretta.
L-informazzjoni tal-Eurostat turi li bejn it-tieni kwart tal-2004 sat-tieni kwart tal-2005, jiġifieri 15-il xahar, id-dejn nazzjonali kien ogħla minn 70%. L-istess kien ġara fl-aħħar kwart tal-2005.
Tonio Fenech ipprova jaħbi l-fatt li, fil-perjodu meta kien Segretarju Parlamentari għall-Finanzi, kien hemm 18-il xahar minn 60 xahar li fih id-dejn nazzjonali kien aktar minn 70% tal-prodott gross domestiku. Jiġifieri kważi xahar minn kull tlieta li Tonio Fenech kien Segretarju Parlamentari għall-Finanzi, d-dejn nazzjonali kien aktar minn 70%.
Meta laħaq Ministru tal-Finanzi, Tonio Fenech reġa’ kien responsabbli għal perjodi li fihom id-dejn nazzjonali kien aktar minn 70% tal-prodott gross domestiku. Fid-diskors tiegħu stess ta’ Novembru 2011, għall-budget tal-2012, Tonio Fenech kien ippreżenta Tabella 2.3 f’paġna 7 li tindika li fl-2011 id-dejn nazzjonali kien 70.14%.
http://mfin.gov.mt/en/The-Budget/Documents/The%20Budget%202012/Budget%20Speech%202012%20[Maltese].pdf
L-istess joħroġ mill-aħħar diskors tiegħu tal-Baġit f’Novembru 2012. Dakinhar Tonio Fenech kien ippreżenta Tabella 2.3 f’paġna 10 li tindika li d-dejn nazzjonali kien 70.89% fl-2011 u li fl-2012 kien 71.55%. Kien ukoll ipproġetta li d-dejn nazzjonali għall-2013 ikun 70.43%.
Fl-aħħar sena ta’ Tonio Fenech bħala Ministru tal-Finanzi, id-dejn nazzjonali kien jaqbeż is-70% tal-prodott gross domestiku f’aktar minn 6 xhur ta’ dawk it-tnax-il xahar.
Illum Tonio Fenech qed jipprova jnessi li, meta kien responsabbli mill-finanzi ta’ pajjiżna, id-dejn nazzjonali tela’ minn 60.4% tal-prodott gross domestiku għal 71.5% u waqt l-aħħar kampanja elettorali ħalla d-dejn nazzjonali jiżdied bi tliet mitt miljun ewro.
Il-poplu, iżda, ma jinsiex dan l-aġir.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046