STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT U L-INFRASTRUTTURA
L-Oppożizzjoni ma tridx li l-Gvern jindirizza l-problema tat-traffiku
Hija tad-daħq l-insinwazzjoni tal-Oppożizzjoni li skont hi, il-Gvern se jagħmel proġett fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta biex jaġevola lill-Partit Laburista.
Filwaqt li l-Gvern jistaqsi x’kienet għamlet l-Oppożizzjoni meta kienet fil-Gvern hi, biex tindirizza l-problema tat-traffiku fin-Nofsinhar ta’ Malta, jiddikjara li anki hawn, l-Oppożizzjoni ħbiet il-problema taħt it-tapit, bħalma għamlet fi proġetti oħrajn, meta huwa fatt magħruf li l-problema tat-traffiku f’pajjiżna mhijiex problema li nħolqot illum.
Dan minkejja li Gvern preċedenti kien konxju sew li n-numru ta’ vetturi fit-triq qed jikber sena wara oħra. Però issa, l-Oppożizzjoni ppretendiet li l-Gvern isolvi l-problemi ta’ traffiku fi żmien is-sena u nofs li ilu fil-Gvern.
Mhux hekk biss, iżda għax issa l-Gvern qed jippjana proġett għal dawn l-inħawi, l-Oppożizzjoni, minflok offriet is-suġġerimenti tagħha, fil-midja tagħha, qed takkuża lill-Gvern li se jagħmel parkeġġ quddiem il-bini tal-istazzjon tal-Partit Laburista biex jaġevola lill-ħaddiema.
Tajjeb wieħed ifakkar ukoll li meta Pat Cox żar pajjiżna f’Diċembru li għadda, kien iddikjara li TEN-T network jimmira li jkun hemm rotot ta’ trasport mingħajr interruzjonijiet bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Eworopea u kien qal li l-problema f’Malta hija li l-aċċess bejn il-port ta’ Marsaxlokk, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Belt Valletta jgħaddi mill-agħar bottlenecks fil-gżira Maltija. Cox kien qal ukoll li se jiżgura li meta titressaq l-applikazjoni ta’ Malta, il-pajjiż ikun eliġibbli għall-finanzjament Ewoprew.
Huwa ta’ għajb għall-Oppożizzjoni li qed tfixkel dak li Gvern preċedenti qatt ma ħolom li jagħmel għan-nies tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta. Dan juri li l-Oppożizzjoni ma tridx li dan il-Gvern jinvesti fi proġetti li jindirizzaw il-problema tat-traffiku.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046