IL-MINISTRU GĦALL-INTERN U SIGURTA’ NAZZJONALI EMMANUEL MALLIA U L-MINISTRU GĦAT-TURIZMU EDWARD ZAMMIT LEWIS IŻURU L-AĦĦAR PREPARAMENTI FUQ IS-SET TAL-JUNIOR EUROVISION SONG CONTEST (JESC)
pr142679
13/11/2014
Illum wara nofsinhar, il-Ministru għall-Intern u Sigurta’ Nazzjonali Emmanuel Mallia kif ukoll l-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis żaru s-sit tas-Ship Building fejn ser isir l-Junior Eurovision Song Contest (JESC), avveniment li qed isir f’pajjizna għall-ewwel darba wara li l-kantanta Gaia Cauchi rebħet il-Junior Eurovision Song Contest is-sena li għaddiet.
Il-Ministru Emmanuel Mallia rringrazzja lill-ħaddiema kollha li qed jaħdmu għal dan l-avveniment. L-impenn u l-livell ta’ professjonalita’ mingħand kulħadd sabiex pajjizna jagħmel isem tajjeb fuq livell internazzjonali, jidher ċar minghand il-ħaddiema kollha. Fil-Junior Eurovision qed jahdmu madwar 200 ħaddiem Malti.
Il-Ministru Mallia rringrazzja ukoll lill-familji tal-ħaddiema talli f’dawn l-aħħar ġimgħat sostnewhom f’mumenti li minħabba l-impenji tax-xogħol kienu u għadhom qed iqattgħu ħafna sigħat ‘il bogħod mill-familja.
Il-Ministru qal li f’dan l-avveniment kulħadd jingħaqad flimkien, kif inhi t-tema tal-Junior Eurovision ’Together’, sabiex kulħadd japprezza l-kulturi differenti tal-pajjiżi parteċipanti, li għal din is-sena ser ikun hemm record ta’ parteċipazzjonijiet b’sittax –il partiċipant. Id-delegazzjonijiet kollha jammontaw għall-aktar minn 300 persuna, filwaqt li sebgħin ġurnalist jinsabu pajjiżna għal dan l-avveniment.
Sadanittant, l-Ministru Zammit Lewis sostna li dan l-avveniment ħa jservi ta’ pjattaforma għall-pajjiżna u li fl-istess ħin hija opportunita’ tajba biex nipromwovu lil Malta bħala destinażżjoni turistika b’mod speċjali fis-source markets prinċipali tagħna. Il-Ministru Zammit Lewis irrefera li l-Junior Eurovision Song Contest (JESC) huwa stmat li jsegwuh mat-tlett miljun telespettatur minn madwar l-Ewropa. ‘Din hija viżibilita’ tajba li tiproġetta lil Malta mhux biss bħala destinazzjoni ibbażata biss fuq il-kunċett tax-xemx u l-baħar iżda jgħolli l-livell ta’ pajjiżna fix-xhur xitwin’ stqarr l-Ministru għat-Turiżmu.
Avveniment bħal JESC, iħalli marka prestiġġjuża għal-pajjiżna peress li qegħdin niffokaw fuq in-niċċa tal-Meetings, Incentives, Conferences, Events (MICE). Il-Ministru Zammit Lewis saħaq li din in-niċċa partikolari qed tkompli tikber f’pajjiżna u aktar ma jmur qed nattiraw turiżmu ta’ kwalita’. Dan minħabba li delegati internazzjonali li jattendu konferenzi ta’ kalibru huma meqjusa ta’ livell għoli minħabba l-ammont ta’ nfieq li jiġġeneraw f’Malta u l- akkomodazzjoni magħżula, u aktar u aktar meta dawn jiġu fix-xhur ta’ bejn Novembru u Marzu.
Fl-intervent tiegħu l-Ministru Zammit Lewis sostna li aspetti bħal klima, l-konnettivita’, l-infrastruttura u faċilitajiet huma essenzjali għas-suċċess ta’ din in-niċċa. Il-viżjoni tal-Gvern hija li bil-ħidma kontinwa jkompli jsaħħah dan is-settur tal-MICE.
‘Dan ifisser aktar kummerċ, li tgawdi minnu l-ekonomija ta’ pajjiżna minħabba s-servizzi anċillari li jiġu provduti madwar din in-niċċa. Il-benefiċċju ekonomiku jissarraf f’ġid, li eventwalment igawdu minnu l-familji Maltin u Għawdxin’ kompla jgħid il-Ministru Zammit Lewis.
Il-Ministru Mallia u l-Ministru Zammit Lewis ikkonkludew billi awguraw lill-kantanta li se tippreżenta lil Malta, Federica Falzon, bill-kanzunetta li ġġib l-isem ta’ Diamonds f’din il-kompetizzjoni internazzjonali.
Dan l-avveniment se jkun qed jittella’ l-Ġimgħa u s-Sibt fix-Shipbuilding tal-Marsa.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046