IL-GVERN IQIS LILL-ORGANIZZAZZJONIJIET VOLONTARJI BĦALA MSIEĦBA IMPORTANTI
L-emendi proposti fil-liġi dwar l-organizzazzjonijiet volontarji se jkunu qed jitpoġġew għal konsultazzjoni pubblika li mistennija tinbeda fil-ġimgħat li ġejjin.
F’indirizz li għamlet fil-ftuħ ta’ konferenza dwar il-volontarjat imtella’ minn Volonteurope flimkien ma’ Malta Health Network, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli tkellmet fuq il-ħidma li qed iwettaq il-gvern fis-settur tal-volontarjat.
Semmiet kif fil-ġimgħat li ġejjin, il-gvern se jkun qed jinawgura l-ewwel NGO Hub fil-Belt Valletta li mhux biss se jospita l-uffiċini amministrattivi għall-kunsill tal-volontarjat iżda se jservi wkoll bħala bażi fejn l-organizzazzjonijiet volontarji jkunu jistgħu jiltaqgħu. Il-post se jkun mgħammar ukoll biex iservi ta’ ċentru għat-taħriġ u riżorsi.
Il-Ministru Dalli ħabbret ukoll kif għaddej xogħol biex jinfetħu żewġ NGO Hubs oħra, wieħed fit-tramuntana u l-ieħor fin-nofsinhar ta’ Malta biex jaqdu aktar organizzazzjonijijet volontarji.
Dwar il-liġi tal-volontarjat, Dr Dalli spjegat kif bħalissa għaddejja ħidma biex isiru l-emendi neċessarji li jassiguraw aktar trasparenza u ekwità fis-settur u ħabbret kif dwar dan il-gvern se jkun qed imexxi proċess ta’ konsultazzjoni.
“Il-gvern iqis l-organizzazzjonijiet volontarji bħala msieħba importanti” qalet il-Ministru Dalli.
Semmiet kif matul din is-sena biss, il-Ministeru mmexxi minnha alloka aktar minn €3miljun għal dan is-settur filwaqt li permezz ta’ proġetti kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea, saret ħidma konġunta ma’ diversi NGOs kemm lokali u internazzjonali dwar l-integrazzjoni ta’ persuni li ġejjin minn pajjiżi terzi.
Il-Ministru Dalli emfasizzat l-importanza tal-involviment tas-settur volontarju fuq livell Ewropew, fejn NGOs iżommu anke kuntatt ma’ istituzzjonijiet Ewropej li tippermettilhom li jkabbru l-firxa ta’ kuntatti u jwessgħu l-livell ta’ għarfien fis-settur.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046