INAWGURAT IĊ-ĊENTRU TAL-EDUKAZZJONI, XJENZA U KULTURA FIL-WIED TAL-LUNZJATA
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo inawgura uffiċjalment iċ-ċentru tal-Edukazzjoni, Xjenza u Kultura f’Dar il-Lunzjata fil-wied pittoresk ta’ Wied il-Lunzjata.
Il-Ministru Anton Refalo tenna li fuq inizjattiva tal-Uffiċċju tal-UNESCO f’kollaborazzjoni sħiħa mal-Kulleġġ t’Għawdex u permezz ta’ post ipprovdut mill-Ministeru għal Għawdex, seta’ jitwaqqaf l-ewwel Ċentru għall-Edukazzjoni, Xjenza u Kultura f’pajjiżna.
Dan iċ-Ċentru ser iservi ta’ mixtla għal inizjattivi li jmexxu ‘l quddiem il-kurrikulu edukattiv nazzjonali kif ukoll dak tal-UNESCO fost il-ġenerazzjonijiet żgħar tagħna. Il-programm li tfassal għal dan iċ-Ċentru jinkludi għadd ta’ inizjattivi, proġetti u attivitajiet għal tul is-sena skolastika kollha, immirati għal studenti ta’ kull età, mill-iskejjel kollha Għawdxin u b’invit miftuħ anke għal dawk Maltin.
Permezz tal-Associated Schools Project Network qed tiġi offruta l-opportunità li jitkabbar l-għarfien dwar temi bħal wirt kulturali ta’ pajjiżna; ta’ patrimonju kulturali ieħor magħruf bħala ‘Wirt Ħaj tal-Umanità; l-etika, it-tolleranza, il-paċi u l-wirt ambjentali tagħna.
Il-Ministru rringrazzja lid-Delegazzjoni Permanenti tal-UNESCO għall-ħidma intensiva li qed titwettaq f’Malta fir-rigward tal-proċess impenjattiv tan-nominazzjoni taċ-Ċittadella ta’ Għawdex flimkien mal-Imdina f’Malta għat-titlu prestiġjuż bħala sit ta’ Wirt Dinji. Żgur li jekk pajjiżna jirnexxilu jikkonkludi b’suċċess dan il-proċess, jinkuruna l-isforżi kollha li qed jagħmel il-Gvern permezz tal-Ministeru għal Għawdex, biex permezz tal-proġett kbir li qed isir bħalissa fiċ-Ċittadella u l-madwar, jerġa’ jroddilha s-sbuħija unika li tgawdi.
Il-Ministru Refalo irringrazzja wkoll lill-Kulleġġ ta’ Għawdex, għall-ħidma kbira u kontinwa li titwettaq mal-istudenti u ż-żgħażagħ fl-iskejjel Għawdxin. Permezz ta’ dan iċ-Ċentru għall-Edukazzjoni, Xjenza u Kultura, il-Ministeru għal Għawdex qed iġedded l-impenn tiegħu biex ikompli jsostni kull investiment li jsir fl-edukazzjoni ta’ wliedna. Indirizzaw lill-udjenża preżenti l-Ambaxxatur tal-UNESCO Mons. Dr Joe Vella Gauci u l-Prinċipal tal-Kulleġġ t’Għawdex Victor Galea.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046