Left arrow Go Back

TIŻDIED B’6.5% IĊ-ĊIFRA TAL-MALTIN LI GĦAŻLU LI JSIEFRU GĦALL-BTAJJEL TAGĦHOM; SINJAL POŻITTIV LI JURI LI L-ĠID LI QED JINĦOLOQ QED JASAL GĦAND IL-MALTIN U L-GĦAWDXIN KOLLHA

PR142664
Date Icon 13/11/2014

Minn ċifri ppubblikati dalgħodu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jirriżulta li matul is-sajf li għadda aktar Maltin għażlu li jsiefru għall-btajjel tagħhom.  Bejn Lulju u Settembru ta’ din is-sena aktar minn 144,000 turist siefru barra minn Malta.  Dan ifisser li meta teskludi is-same day visitors, pajjiżna rreġistra żieda ta’ kważi 9% f’turisti Maltin li siefru barra minn Malta ikkomparat mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.  Is-safar b’permezz ta’ criuseliners qed dejjem isir aktar popolari mal-poplu Malti.  L-industrija tal-cruiseliners f’pajjiżna bbenefikat tajjeb ħafna f’dan ix-xhur sajfin li għadhom kif għaddew meta ġiet reġistrata żieda ta’ aktar minn 8% f’passiġġeri Maltin li siefru fuq cruiseliner meta mqabbel mal-istess xhur tas-sena l-oħra.

It-turisti Maltin qattgħu ’l fuq minn miljun lejl barra minn Malta waqt is-safra tagħhom bejn Lulju u Settembru 2014 u nefqu aktar minn €141 miljun.  Dawn ifissru żieda ta’ kważi 4% u ta’ 4.5% rispettivament meta mqabbel maċ-ċifri reġistrati fl-istess perjodu tas-sena 2013.

Il-Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Zammit Lewis jilqa’ dawn iċ-ċifri pożittivi bi pjaċir.  Il-Ministru Zammit Lewis jinnota li f’dawn ix-xhur tas-sajf li għadu kif għadda il-Maltin li siefru fuq skop ta’ btala żdied bi kważi 8% meta kkomparat mas-sajf tas-sena l-oħra.  Dan jikkonferma li l-poplu Malti qed ikollu aktar flus fil-but u qed iħossu aktar kunfidenti u komdu fl-infieq tiegħu. 

Din iż-żieda fit-turisti Maltin hija ċertifikat li l-pajjiż qed jilħaq il-miri ekonomiċi tiegħu u qed jilħaq livell tajjeb ħafna ta’ ġid li qed jissarraf fi tkabbir ekonomiku li jisboq kull aspettativa kemm tal-Gvern Malti u kemm l-aspettativa tal-Unjoni Ewropea.  Però dan jikkonferma wkoll li tkabbir ekonomiku qed jilħaq il-bwiet tan-nies.  Il-poplu Malti qed iżid il-konsum u l-infieq tiegħu, però dan mhux jagħmlu biex ilaħħaq mal-għoli tal-ħajja imma qed jonfoq aktar fi prodotti u servizzi ta’ divertiment u mistrieħ b’permezz ta’ btajjel.  Dan it-tkabbir fil-livell ta’ ġid maħluq matul din is-sena huwa attribwit l-aktar għar-riżultati pożittivi li l-Gvern qed jirreġistra mill-inċentivi u l-inizjattivi li ħa fil-baġit tas-sena l-oħra u fl-implimentazzjoni bil-għaqal ta’ dawn il-miżuri matul is-sena flimkien ma l-għaqal u bżulija tal-poplu Malti.

Dan jawgura tajjeb ħafna għan-negozji turistiċi ġo pajjiżna partikolarment l-operaturi turistiċi, l-aġenziji tal-ivvjaġġar, l-operaturi tal-cruiseliners, kumpaniji tal-linji tal-ajru u l-ajruport internazzjonali ta’ Malta, li qed jesperjenzaw żieda fil-profitti u fin-negozju tagħhom.  Dan il-ġid maħluq għal dawn in-negozji qed isarraf f’aktar investiment u aktar ħolqien ta’ mpjiegi li qed jagħtu riżultati pożittivi fit-tkabbir ekonomiku, fiż-żieda fil-konsum u fit-tnaqqis fir-rata tal-qgħad.

Il-Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Zammit Lewis jikkonkludi li l-Gvern huwa dejjem kommess li jibqa’ jieħu l-miżuri neċessarji fil-baġit li se jiġi ppreżentat ftit tal-ġranet oħra u jimplimentahom bil-għaqal sabiex dan il-ġid ekonomiku jibqa’ mhux biss jiżdied iżda jibqa’ jitwassal fil-but tal-poplu.  Il-Gvern jibqa dejjem kommess li jinkoraġġixxi lin-negozji li joperaw fis-settur turistiku b’permezz ta’ miżuri u inizjattivi li joħolqu aktar ġid u profitti li eventwalment jissarfu f’aktar impjiegi, investiment u tkabbir ekonomiku, temm jgħid il-Ministru Zammit Lewis.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow