IT-TĦADDIR TAL-KOMMUNITAJIET: PROĠETT PILOTA LI RNEXXA - IL-MINISTRU LEO BRINCAT
Il-proġett pilota dwar it-tħaddir tal-komunitajiet li tħabbar fil-Budget li għadda rnexxa.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, Leo Brincat, meta dalgħodu flimkien mas-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, is-Sur Ray Tabone, żar ix-xogħlijiet li qegħdin isiru taħt din l-iskema ffinanzjata mill-Gvern Ċentrali f'wieħed mill-erba’ lokalitajiet li bbenefikaw mill-iskema.
F’San Pawl il-Baħar inżergħu diġà għadd ta' siġar u pjanti, ġew irranġati tree-planters fl-akwati tal-kumpless Fra Ben, inxtraw żewġ tankijiet tal-ilma tal-elf litru l-wieħed biex jintużaw għall-irrigazzjoni ta’ dawn il-pjanti kif ukoll inħargu l-offerti biex jinxtraw planters oħrajn sabiex għadd ta' pjanti jiġu rilokati qrib iż-żona tal-Lukanda Qawra Palace. L-istess qed jsir biex jinxtraw siġar tal-felċi sabiex jsebbħu z-zona tal-parkeġġ fi Triq Quintinus.
Filwaqt li s-siġar u pjanti li nżergħu jinkludu dawk tal-ficus, taż-żebbuġ, tac-cycas u tal-oleander dawn qed u ser ikomplu jsiru fil-Ġnien Parades, iz-zona tas-Sirens, ħdejn il-Promenade u qrib Fra Ben kif ukoll f'Pioneer Road.
Il-Ministru faħħar l-entużjażmu li bih il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl daħal għal dan il-proġett filwaqt li ħabbar li t-tħejjijiet jinsabu avvanzati wkoll fl-Imsida u l-Fgura.
Brincat qal li dan il-proġett pilota juri li mhux biss jista’ jitħaddem il-prinċipju ta' value for money meta l-affarijiet isiru bil-galbu, iżda wkoll li jistgħu jinkisbu riżultati fejjieda anki b'ammonti relattivament modesti diment li jkun hemm impenn u determinazzjoni qawwija mill-partijiet kollha involuti.
Il-Ministru ħabbar li huwa l-ħsieb tiegħu li jżur it-tliet lokalitajiet l-oħra fil-ġejjieni qarib hekk kif ix-xogħol jidħol f'fażi aktar avvanzata.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046