DISKORS MILL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU DR EDWARD ZAMMIT LEWIS WAQT IT-TNEDIJA TAL-‘MEDITERRANEAN TOURISM FORUM’
“Irridu nżiedu l-koperazzjoni fost il-pajjiżi Mediterranji fit-turiżmu biex nassiguraw pożizzjoni aktar b’saħħitha fis-suq kompetittiv globalizzat”
Huwa ta’ pjaċir tiegħi li bħala Ministru għat-Turiżmu ġejt mistieden biex iniedi il-‘Mediterranean Tourism Forum’ ta’ din is-sena. Nieħu din l-opportunità biex nifraħ lill-MHRA li ħadet din l-iniżjattiva biex tgħaqqad numru ta’ kelliema għolja u ta’ kalibru għal dan il-forum biex jiddiskuti l-futur tat-turiżmu fil-Mediterran.
Il-Mediterran huwa wieħed mill-aktar reġjuni importanti għas-settur turistiku fid-dinja u dan għal diversi fatturi bħal il-klima, il-kosta, il-gastronomija tagħha, l-istorja u t-teżori tal-antiki li iżid mall-popolarità li dan ir-reġjun igawdi. Il-Mediterran jilqa’ aktar minn terz tad-dħul totali tat-turiżmu, li jattiraw aktar minn 300 miljun ta' turisti internazzjonali u li jirrappreżentaw madwar 12% tal-GDP kif ukoll 11% tal-impjiegi madwar il-pajjiżi Mediterranji.
Matul l-aħħar żewġ deċenji r-reġjun tal-Mediterran rreġistra rekord f’rati ta' l-ogħla tkabbir fil-wasliet tat-turisti fid-dinja. Il-prestazzjoni ekonomika tat-turiżmu fil-pajjiżi Mediterranji kienet tajba ħafna meta tqis numru ta’ kwistjonijiet fil-madwar bħal riskji tas-sigurtà, diżastri naturali, żidiet fil-prezzijiet taż-żejt u inċertezzi ekonomiċi tar-reġjun.
Ta’ min jinnota li ż-żieda qawwija fit-turiżmu segwa wara l-kriżi ekonomika tal-2008-2009, u li hawnhekk dan is-settur wera l-potenzjal enormi li l-pajjiżi Mediterranji iħaddnu fit-turiżmu.
Madanakollu, l-industrija turistika fil-Mediterran taffaċċja għadd ta' sfidi ewlenin li jinfluwenzaw l-iżvilupp tul is-snin u anke s-suċċess tal-futur. Il-pajjiżi Mediterranji jeħtieġ li jieħdu kont tas-sitwazzjoni fil-preżent u jevalwaw il-politika tat-turiżmu tagħhom, kif ukoll jikkunsidraw ristrutturar fl-industriji fil-kuntest ta' tkabbir għall-iżvilupp sostenibbli.
It-turiżmu fil-Mediterran għandu impatt sinifikanti fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-komunitajiet ospitanti, u dan mhux biss ekonomikament. Dan jaffettwa l-interessi soċjali tal-istat, jinfluwenza l-valuri, l-attitudnijiet u l-kulturi, u jħalli impatt fuq l-ambjent u r-riżorsi naturali tal-pajjiżi. Dan jitlob għal aġġornament kostanti tal-politiċi u l-istrateġiji tagħhom. Dwar dan, jiena bħala Ministru għat-Turiżmu qed naħdem flimkien mal-partijiet interessati kollha, u kif diġà mħabbar f’Marzu tas-sena d-dieħla se nkun qed iniedi l-Politika tat-Turiżmu riveduta li se twassal sal-2020 u l-viżjoni turistika tagħha li teħodna għas-sena 2030.
Il-pajjiżi Mediterranji jeħtieġu li jaħdmu flimkien biex iżidu l-effiċjenża u l-kompetittività. Nagħmlu tajjeb li niffurmaw alleanzi strateġiċi għall-isforzi ta’ marketing b’kooperazzjoni konġunta biex b’hekk inżommu vantaġġ kompetittiv fis-suq turistiku globalizzat. Għalkemm kull stat Mediterranju tradizzjonalment kien meqjus bħala prodott integrat u jikkompeti mal-pajjiżi ġirien, fil-preżent il-pajjiżi Mediterranji hemm bżonn li jħarsu lejn il-kompetituri ġirien tagħhom bħala partners għall-kollaborazzjoni reġjonali b’mod sħiħ. Dan jassigura pożizzjoni b'saħħitha fis-suq kompetittiv globalizzat u huwa wieħed mill-għanijiet ewlieni tal-Unjoni Ewropea għat-turiżmu.
Jiena nemmen li l-pajjiżi Mediterranji għandhom isaħħu s-settur turistiku fir-reġjun għal aktar żvilupp biex niżguraw sehem akbar fil-ħolqien tas-swieq ġodda f’dan il-qasam. Strateġiji bħal dawn m'għandhomx jitqiesu biss minn lat kwantitattiv iżda wkoll minn dimensjoni kwalitattiva. Fuq il-livell kwantitattiv, huwa importanti li nidħlu fis-swieq ġodda minn sorsi fejn turiżmu barrani qed jikber, bħal per eżempju fil-pajjiżi BRIC, li esperjenzaw żvilupp pożittiv matul is-snin li għaddew. Min-naħa l-oħra fuq livell kwalitattiv, l-għan huwa li nadottaw forom ġodda tal-prodott fis-suq ibbażati fuq il-kwalità
.
Għall-għexieren ta’ snin, il-prodott tradizzjonali reklamat f’destinazzjonijiet ideali fil-Mediterran, immirat b’mod speċjalment għall-viżitaturi mit-tramuntana tal-Ewropa, kien ix-xemx u l-baħar. Iżda aħna qed nesperjenzaw bidla mill-vaganza tradizzjonali tal-bajja, li l-Mediterran huwa tant assoċjat.
Bħal Malta, destinazzjonijiet oħra Mediterranji immaturaw matul is-snin u l-isfida hawnhekk hija kif se nagħtu nifs ġdid lil prodott turistiku tagħna li tkun ta’ success. Dan jeħtieġ l-innovazzjoni kostanti u l-investiment, li xi kultant f'kuntest ekonomiku huwa xi ftit diffiċli. Għandna bżonn niżviluppaw il-valur miżjud u nimirħu f’niċeċ ġodda bħat-turiżmu mediku u l-isports, il-wirt kulturali, it-turiżmu rurali u gastronomika fost oħrajn, li kollha jistgħu jagħmlu destinazzjoni aktar attraenti fejn il-viżitaturi jikkontribwixxu għal nefqa għola.
Il-pajjiżi Mediterranji għandhom viżjoni komuni għall-iżvilupp tat-turiżmu fil-kuntest ta' tkabbir sostenibbli. Min-naħa tagħna, il-Gvern irid jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti linji gwida u regolamenti xierqa f'konformità mal-prijoritajiet nazzjonali għall-promozzjoni kif ukoll l-appoġġ tat-turiżmu sostenibbli li jista’ jiggarantixxi suċċess għall-futur. Malta llum hija aħjar milli kienet sena u nofs ilu, u se nkomplu mexjin ’il quddiem. Huwa fatt li l-familji Maltin qed jgħixu aħjar u d-differenza qed tinħass minn kulħadd. Il-benefiċċju ekonomiku li qed jiġi minn aktar turizmu qed igawdi minnu kulħadd.
Dan il-forum għandu jservi bħala pjattaforma għad-djalogu bejn il-partijiet ewlenin u rappreżentanti minn destinazzjonijiet Mediterranji. Irridu negħlbu l-isfidi li għandna quddiemna, iżda hemm ukoll numru ta' opportunitajiet li jistgħu jiġu sfruttati. Ninsab kunfidenti li hemm diversi oqsma għall-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi fir-reġjun. Dan il-forum huwa opportunità għall-parteċipanti sabiex nesploraw possibbiltajiet li jistgħu joħolqu sinerġiji siewja għat-titjib u aktar kooperazzjoni fir-reġjun. Jekk naħdmu flimkien, se nkunu f'pożizzjoni aħjar biex naffaċċjaw dawn l-isfidi u ntejbu l-kompetittività tagħna. Dan l-avveniment żgur li se jikkontribwixxi għal dan il-proċess.
Waqt li nirringrazzjakom tal-attenzjoni, nixtieq nifraħ lill-MHRA għal din l-iniżjattiva meħuda minnha.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046