Left arrow Mur Lura

INSOSTNU S-SUĊĊESS TA’ MALTA FL-IGAMING B’AKTAR EFFIĊJENZA U ANQAS BUROKRAZIJA

PR142644
Date Icon 11/11/2014

Jitnaqqas bin-nofs il-perjodu li fih l-LGA twieġeb għal Industrija biex toħroġ liċenzja ġdid

F’Malta tlaqqet is-sitt edizzjoni tal-Malta iGaming Seminar li pparteċipaw fiha l-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr. Chris Cardona, u s-Segretarju Parlamentari għall-Kompettitività u Tkabbir Ekonomiku, Dr. José Herrera.

Il-Ministru Chris Cardona, tkellem dwar is-suċċessi ekonomiċi li qed jirnexxilu jikseb pajjiżna u b’referenza għall-aħħar IBM Global Trends Report semma kif Malta kienet klassifikata fit-tieni post minn madwar id-dinja f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwalità tal-investiment li qed ikun attirat.

Il-Ministru Cardona qal li Malta, illum, hija waħda mill-pajjiżi li l-aktar qed jiksbu suċċess fl-Unjoni Ewropea, bil-Kummissjoni Ewropea tbassar li t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż se jisboq dak tal-Istati Membri l-oħrajn. Huwa semma wkoll kif kellna l-aqwa żieda fil-bejgħ mill-ħwienet u livelli bla preċedent ta’ impjiegi ġodda.

Dr. Chris Cardona qal li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jaħdem biex ikollna l-aqwa klima ekonomika għal min irid jinvesti fil-pajjiż u dan billi fost l-oħrajn ikompli jindirizza l-burokrazija żejda u jiffaċilita l-proċessi.

“Dan kien rifless bl-aħjar mod fl-Awtorità dwar il-Lotteriji u l-Logħob, l-LGA, fejn il-proċess li fih tipproċessa talba għal liċenzja ġdida fl-aħħar sena naqas b’50% u minn 5 xhur niżel għal xahrejn u nofs”, sostna l-Ministru Cardona.

Anke s-Segretarju Parlamentari José Herrera tkellem dwar it-titjib sostanzjali fl-effiċjenza tal-LGA, fejn fakkar f’dak li tħabbar il-ġimgħa li għaddiet fejn mir-rendikont tagħha għall-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena meta mqabbla mal-istess perjodu s-sena li għaddiet irriżulta li LGA naqset bin-nofs iż-żmien li qed tieħu biex twieġeb għal ilmenti jew mistoqsijiet mibgħuta lilha mingħand il-ġugaturi ta’ kumpaniji liċenzjati f’Malta. 

Fid-diskors tiegħu s-Segretarju Parlamentari ta ħarsa lejn l-isfidi fuq livell Ewropew li l-industrija tal-igaming f’pajjiżna bħalissa qed tiffaċċja. Tenna li l-Istati Membri għandhom jaħdmu aktar qrib xulxin ħalli bit-teknoloġija li tipprovdi din l-industrija jkunu simplifikati l-proċessi bejn ġurisdizzjonijiet differenti biex inkunu f’qagħda aħjar li nipproteġu lill-konsumatur.

Il-protezzjoni tal-konsumatur kienet xi ħaġa li pajjiżna dejjem ħa bis-serjetà tenna s-Segretarju Parlamentari. F’dan is-sens pajjiżna għandu biex jiftaħar bir-reputazzjoni li rnexxielna nibnu. “Mhux biss ħdimna biex għall-ewwel darba waqqafna strutturi favur logħob responsabbli imma wkoll l-awtorità qed tkun aktar effiċjenti biex twieġeb ghall-ilmenti li jistgħu jiġu min-naħa tal-konsumatur”, qal is-Segretarju Parlamentari.

Tenna li hemm sfidi kbar fuq livell Ewropew x’jigu ffaċċjati minħabba l-pressjoni li qed isir minn ċertu pajjiżi fuq din l-industrija. “Filwaqt li Malta qed taħdem biex il-politika tagħha tibqa’ l-għażla naturali għall-operaturi ta’ din l-industrija, naħseb li wasal iż-żmien li nkunu proattivi ħalli fi sfond Ewropew inwieżnu l-pressjoni li ġejja minn diversi pajjiżi”, tenna s-Segretarju Parlamentari.

Hawn is-Segretarju Parlamentari tenna li waħda mis-soluzzjonijiet għall-frammentazzjoni fuq livell ta’ ġurisdizzjoni li teżisti bejn pajjiżi differenti tal-UE hija li jkun hemm konsistenza u kollaborazzjoni  bejn ir-regolaturi u l-operaturi fuq il-proċessi u t-teknoloġiji addotati. B’dan il-mod, tenna Herrera, inkunu qed nipproteġu dejjem aħjar lill-ġugatur li finalment huwa l-aktar ħolqa important fejn tidħol l-industrija tal-igaming.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow