IL-MINISTRU BRINCAT F’LAQGĦA MA’ RAPPREŻENTANTI MIS-SETTUR PRIVAT, BANEK, UNJINS U S-SOĊJETÀ ĊIVILI DWAR L-EKONOMIJA L-ĦADRA
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat kellu laqgħa ma’ rappreżentanti mis-settur korporattiv, banek, trejdunjins u s-soċjetà ċivili sabiex tkun diskussa l-formulazzjoni tal-Istrateġija għall-Ekonomija l-Ħadra u l-Pjan ta’ Azzjoni.
Il-Ministru Brincat spjega l-proċess li ġie adottat u qal li l-Management Efficiency Unit, li qed jikkordina l-formulazzjoni ta’ din l-istrateġija, lesta dokument li fuqu se qed tkun tistrieħ il-ħidma ta’ tħejjija, flimkien ma’ lista ta’ miżuri tal-Ekonomija l-Ħadra li possibilment jistgħu jittieħdu. Dan kollu qed ikun assessjat minn esperti ta’ diversi Ministeri konċernati. Il-lista ta’ miżuri se tkun suġġetta għall-evalwazzjoni ekonomika sabiex ikun stmat l-impatt tagħhom fuq it-tkabbir u l-impjiegi fl-Ekonomija l-Ħadra.
Il-Ministru Leo Brincat qal li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) ġie kummissjonat biex jagħmel stħarriġ dwar l-impjiegi eżistenti fl-Ekonomija l-Ħadra (Green Jobs) bil-ħsieb li jkun kwantifikat in-numru ta’ impjiegi f’azjendi li jipproduċu oġġetti u servizzi li minnhom jibbenefika l-ambjent, u impjiegi li fihom hemm il-potenzjal li l-ħaddiema jkunu qed jaħdmu fuq proċessi ta’ produzzjoni fl-azjenda tagħhom aktar favur l-ambjent.
L-iskop hu li dan l-istudju jsir perjodikament sabiex ikunu assessjati l-iżviluppi fis-settur tal-oġġetti u servizzi ambjentali.
Waqt li ħeġġeġ lil dawk preżenti biex iressqu l-fehmiet tagħhom bil-miktub, il-Ministru qal li darba jkun finalizzat, id-dokument se jinħareġ għal konsultazzjoni pubblika.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046