IT-TRAĦĦIS TAL-KONTIJIET TAD-DAWL GĦAN-NEGOZJI SER IWASSAL GĦAL ŻIEDA FIL-KOMPETTITIVITÀ TURISTIKA TAGĦNA
Il-Prim Ministru jiltaqa’ mal-MHRA
Waqt laqgħa li kellu llum mal-Malta Hotels and Restaurants Association, Joseph Muscat saħaq li din il-laqgħa qed isseħħ f’mument propizju, ftit jiem qabel il-budget, budget li se jkun qed jimmira fuq il-konsolidament.
Minkejja li sena ilu il-gvern kien ikkritikat li l-projections tiegħu rigward it-tkabbir ekonomiku kienu pożittivi wisq, Joseph Muscat tenna li t-tkabbir ekonomiku f’din l-aħħar sena kien pożittiv ferm u r-roħs tal-kontijiet tad-dawl għan-negozji ser ikompli jżid il-kompettitività.
Il-Prim Ministru qal li għandu dover politiku li jgħin lil dawk li huma l-iktar fil-bżonn mingħajr ma jitfa’ piż żejjed fuq is-settur privat u li l-ħsieb tal-gvern huwa li jkun hemm qafas li jippromwovi iktar nies jidħlu fis-suq tax-xogħol u jitneħħew minn fuq il-benefiċċji soċjali. Dan għandu jsir mhux b’mod ta’ kastig imma billi ninkoraġġixxu u ninċentivaw lil dawn in-nies, il-bżulija ser tkun qed tiġi ippremjata żied jgħid il-Prim Ministru.
Rigward iċ-ċifri pożittivi fit-turiżmu, Joseph Muscat qal li rridu nkomplu nibnu fuqhom u minkejja li qed tkun antiċipata żieda fuq in-numru ta’ turisti li jżuru pajjiżna hemm bżonn li ma narawx dan bħala logħba ta’ numri iżda niffukaw iżjed fuq il-kwalità tat-turisti li jżuru pajjiżna. Il-Prim Ministru semma wkoll il-bżonn li t-turiżmu jkun imqassam matul is-sena u mhux iffukat fuq ix-xhur tas-sajf biss, dan jista jsir billi ntejbu l-prodott tagħna u niddiversikaw.
Fl-intervent tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Żammit Lewis qal li l-MHRA hija attiva ħafna u qrib ferm tal-industija u ta’ min jgħid li l-proposti tal-MHRA huma in linea mal-viżjoni tal-Gvern għal dan is-settur. Il-Ministru Żammit Lewis ħeġġeġ biex naprofittaw mill-kultura kbira li għandu pajjiżna u biex ikun hemm iktar użu ta’ mezzi diġitali fejn jidħol it-turiżmu.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046