DISKORS MILL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU DR EDWARD ZAMMIT LEWIS WAQT IT-TNEDIJA TAL-MSC CROCIERE SUMMER CRUISES BROCHURE
Fl-ewwel disa’ xhur tas-sena 2014 passigieri fuq il-cruiseliners li qattgħu lejl f’Malta żdied għal 196% meta mqabbel mas-sena 2013.
Nibda billi nirringrazzja lil Hamilton Travel bħala rappreżentanti tal-MSC Crociere f'Malta ta’ din l-istedina, biex nindirizza din il-konferenza tal-aħbarijiet, fejn ħa ssir it-tnedija tal-MSC 2015 Summer Cruises Brochure.
MSC Cruises se tkun qed terġa’ żżur lil Malta s-sena d-dieħla fl-2015 u dan permezz ta’ diversi vapuri. Il-vapur Armonia se joffri opportunità għall-Maltin li jimbarkaw fuq cruises li jibdew u jispiċċaw Malta, bejn April u Ottubru. Il-vapur Fantasia se jkun qed iżur il-Port il-Kbir bejn Jannar u April, kif wkoll il-vapur Divina ħa jżur lil Malta f’Ottubru.
L-industrija tal-cruiseliners f’Malta qiegħda dejjem tikber. Bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena waslu f’pajjiżna mal-318,000 passiġġier fuq il-cruiseliners li jfisser żieda ta’ 2.5% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra. Fl-ewwel 9 xhur tas-sena 2014 il-passiġġieri li ġejjin minn Franza, l-Awstralja u l-Ġermanja żdiedu b’49%, b’39% u b’16% rispettivament, meta kkumparat mal-istess disa’ xhur tas-sena 2013.
Iktar minn hekk, bejn Jannar u Settembru tal-2014 il-passiġġieri li qattgħu lejl f’Malta żdied b’196%. Matul it-tielet kwart ta’ din is-sena (Lulju-Settembru 2014) din iż-żieda sparat ’il fuq meta kkumparat mal-istess kwart tas-sena l-oħra. Fit-tielet kwart ta’ din is-sena, total ta’ 13,261 passiġġier fuq il-cruiseliners għażlu li jqattgħu lejl f’Malta, li ssarraf fi tkabbir ta’ 7 darbiet aktar fuq dak reġistrat fl-istess perjodu tas-sena l-oħra.
In-numru ta’ passiġġieri mistennija għal matul is-sena kollha tal-2014 huwa ta’ madwar 510,000, b'total ta' 269 wasla ta’ cruises fil-port ta Malta. (Għawdex eskluż). It-tkabbir f’din in-niċċa jiddependi minn ħafna fatturi fosthom ix-xejriet tat-temp, l-istabbilità politika ta’ pajjiżi ġirien tagħna, il-preżżijiet tal-fuel u anki l-ekonomija globali. Iżda ta minn jinnota li minkejja dan, il-figuri għal 2015 diġà qed juru prospetti pożittivi, fejn qed nantiċipaw li madwar 525,000 passiġġieri jżuru pajjiżna permezz ta’ madwar 270 wasla ta’ vapuri differenti ġewwa Malta.
Minbarra li dan is-settur tul is-snin kiber f’port-of-call, qed naraw li dan l-aħħar qiegħed jiżviluppa wkoll għal home porting ukoll, grazzi għal diversi partijiet interresati f’dan il-qasam. Il-pożizzjoni strateġika ta’ Malta hija kruċjali hekk kif tinsab f’nofs il-Mediterran. Għal dan il-għan jista’ jkun hemm diversi itinerarji bħal lejn il-Punent kif ukoll lejn il-Lvant tal-Baħar Mediterran.
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kontinwament tippromwovi lil Malta bħala destinazzjoni f’din in-niċċa. Dan permezz ta’ attivitajiet varji ta’ marketing u reklami ma’ Cruise u Tour Operators kemm fl-Ewropa tal-Lvant, ir-Russja, Ċipru, t-Turkija, l-Iżrael, il-Greċja, kif ukoll fl-Istati Uniti, il-Ġappun u ċ-Ċina.
Jien bħala l-Ministru għat-Turiżmu flimkien mal-partijiet interessati, se nkomplu naħdmu id f’id biex din in-niċċa tant dinamika tkompli tikber, biex aktar ma’ jmur, cruiseliners jagħzlu lil Malta bħala destinazzjoni fissa. Dan filwaqt li nkomplu nsaħħu s-swieq stabbiliti tagħna bħall-Italja, ir-Renju Unit, il-Ġermanja u pajjiżi oħra Ewropej, aħna impenjati li nfittxu swieq ġodda u emerġenti. Dan sabiex il-gżejjer Maltin jiġu mfittxija anki għal Fly & Cruise.
Dawn is-swieq huma ferm kruċjali għas-settur turistiku ta’ pajjiżna, aktar u aktar meta fl-istatistika li ġiet ippubblikata fl-2013 mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika huwa stmat li kważi 24% tal-passiġġieri tal-kruċiera joriġinaw minn barra l-Unjoni Ewropea.
Filwaqt li nixtieq nirringrazzjakom tal-attenzjoni nawgura staġun ta' suċċess.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046