Left arrow Mur Lura

LAQGĦA GĦALL-KUNSILLIERA ORGANIZZATA F’GĦAWDEX MILL-ASSOĊJAZZJONI TAL-KUNSILLI LOKALI

PR142627
Date Icon 09/11/2014

F’diskors li għamel waqt laqgħa għall-Kunsilliera organizzata mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL), is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali Stefan Buontempo elenka numru ta’ inizjattivi li wettaq dan il-Gvern fil-qasam tal-Gvern Lokali. Sostna li s’issa twettaq terz mill-proposti tal-manifest elettorali li huma b’mod dirett relatati mal-qasam tal-Kunsilli Lokali. Ħidma li mingħajr daqq ta’ trombi saret mingħajr waqfien sabiex verament jitwettaq dak li ġie mwiegħed.

Stefan Buontempo fakkar kif dan il-Gvern jagħti importanza kbira lill-konsultazzjoni. Għalhekk nieda white paper dwar ir-riforma fil-Gwardjani Lokali bil-għan li s-sistema tkun aktar ġusta u kredibbli fejn iċ-ċittadin iħossu protett u mhux abbużat. Spjega li fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed jitħabbru b’mod formali id-dettalji dwar din ir-riforma. Saret konstulazzjoni wkoll mal-istakeholders kollha dwar il-proposta sabiex l-elezzjonijiet lokali jibdew isiru mal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, fost oħrajn bil-għan li aktar nies joħorġu jivvutaw. Dan il-proċess wassal biex jinstab l-aħjar metodu li ġab konsensus u qbil wiesa’ fost il-maġġoranza assoluta ta’ dawk kollha li pparteċipaw f’din id-diskussjoni.

Is-Segretarju Parlamentari rrimarka wkoll kif dan il-Gvern ta servizz ta’ internet lill-Kunsilli Lokali kollha li talbuh, sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw il-wegħda ta’ live streaming waqt il-laqgħat. Fisser kif bħalissa qed tingħata wkoll għajnuna għax-xiri tal-apparat tal-bqija tal-Kunsilli Lokali li għadhom mhumiex atrezzati sabiex jagħmlu dan il-pass.

Is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali ipparteċipa u ħadem sabiex permezz tan-National Tourism Zone Committee jgħin lill-Kunsilli Lokali, li fi ħdanhom għandhom żoni frekwentati mit-turisti, sabiex jingħataw l-għajnuna kollha neċessarja mit-tindif pubbliku. Matul l-aħħar jiem sar ukoll qbil sabiex jitneħħa piż ieħor minn fuq il-Kunsilli Lokalil, dak illi jidħlu fi spejjeż kbar sabiex inaddfu l-ħmieġ li jinġema’ wara li jiġu fi tmiemhom is-swieq fl-ibliet u l-irħula tagħna. Issa se jibda jkun il-Gvern Ċentrali li jibda jieħu f’idejh dan ix-xogħol.

Stefan Buontempo spjega wkoll kif is-Segretarjat Parlamentari qed jaħdem spalla ma’ spalla mal-Ministeru responsabbli mill-Ambjent u l-Iżvilupp Sostenibbli sabiex tiġi riżolta darba għal dejjem il-problema tal-ġbir ta’ skart kummerċjali. Huwa qal li wasalna fi stadju avvanzat sabiex din il-problema, li dejjem tħalliet taħt it-tapit, tinstab soluzzjoni għaliha b’mod li jittaffu ftit mill-piżijiet li l-Kunsilli Lokali ilhom żmien twil iġorru waħedhom.

Fl-2014 is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali vara wkoll tmien skemi ġodda li, għall-kuntrarju ta’ dak li kien jiġri taħt amministrazzjoni preċedenti, qed jingħataw b’għaqal u b’sens ta’ sostenibbilità finanzjarja biex skemi futuri ma jiġux affetwati b’mod negattiv. Dan wara s-sitwazzjoni diżastruza li nstabet fl-iskemi ta’ bejn l-2010 u l-2012 li għadhom qed jitħallsu sal-lum il-ġurnata u b’hekk spiċċa jitnaqqar il-budget preżenti allokat għal skemi ġodda.

Is-Segretarjat Parlamentari ħadem ukoll biex jitħarrġu s-Segretarji Eżekuttivi u ġimagħtejn ilu tnieda l-ewwel diploma course għalihom li se jkompli jsaħħaħ l-accountability u l-good governance fuq bażi ta’ Gvern Lokali. Min-naħa l-oħra, matul il-ġimgħat li ġejjin, se jitħabbru inizjattivi oħra wara konsultazzjoni mal-AKL u l-assoċjazzjonijiet tal-Kunsilliera tal-partiti politiċi li, b’mod ħolistiku, se jwassal għal iktar taħriġ għall-Kunsilliera, kandidati prospettivi u staff tal-Kunsilli Lokali.

Stefan Buontempo għalaq billi sostna li diġà twettaq ħafna xogħol imma fadal ħafna xi jsir biex inkomplu nagħmlu mill-Kunsilli Lokali istituzzjonijiet lokali ferm aktar effettivi u aktar viċin in-nies.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow