JUM DINJI GĦAD-DIJABETE F’GĦAWDEX
Diversi postijiet u monumenti madwar Għawdex, inkluż l-Isptar Ġenerali u l-Ministeru, se jinxtegħlu b’dawl kaħlani
Għall-ħames sena konsekuttiva, professjonisti mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qegħdin itellgħu diversi attivitajiet biex ikun imfakkar il-Jum Dinji għad-Dijabete li jiġi ċċelebrat fl-14 ta’ Novembru. F’jum bħal dan, diversi pajjiżi madwar id-dinja, inkluż Malta u Għawdex, jingħaqdu biex iqajmu kuxjenza dwar din il-kundizzjoni filwaqt li joffru s-sapport tagħhom lid-dijabetiċi. Madwar wieħed minn kull għaxar Maltin ibati minn din il-kundizzjoni u l-inċidenza qegħda dejjem tiżdied. Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo qal, “Il-Jum Dinji għad-Dijabete huwa ċ-ċans tagħna biex niġġieldu din il-kundizzjoni u noħolqu iżjed għarfien biex nikkontrollawha.” Anton Refalo tenna li aktar għarfien dwar din il-kundizzjoni jgħin biex persuna tkun kapaċi tgħix ħajja aħjar u fuq kollox tħares lejn il-ħajja b’mod iktar pożittiv.
Il-Ministru Refalo rringrazzja lill-organizzaturi għall-impenn u x-xogħol ta’ fejda li qed jagħmlu u ħeġġeġ biex il-pubbliku jattendi l-attivitajiet li se jsiru. Il-Ministru rringrazzja lill-iskejjel, lill-kunsilli lokali, lil Arkadia Shopping Complex, The Duke Shopping Mall, Novo Nordisk, Sanofi, David’s Bakery u Benna li lkoll ingħaqdu f’dawn l-attivitajiet. Anton Refalo tenna li l-Gvern huwa impenjat biex jgħin liċ-ċittadini jgħixu ħajja aħjar.
Dr Nadine Delicata, CEO tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qalet li l-Federazzjoni Internazzjonali għad-Dijabete tfakkar dan il-jum permezz tal-kulur ikħal. Għalhekk il-ġimgħa d-dieħla, bejn it-13 u l-15 ta’ Novembru, diversi postijiet u monumenti madwar Għawdex, inkluż l-Isptar Ġenerali u l-Ministeru, se jinxtegħlu b’dawl kaħlani. Dr Delicata elenkat diversi attivatijiet li se jsiru f’Għawdex bħal seminar fis-sala tal-Ministeru għal Għawdex, testijiet tad-demm fl-Arkadia Shopping Complex, The Duke Shopping Mall u fl-Isptar Ġenerali. F’attività oħra, kull tifel u tifla fil-Kulleġġ ta’ Għawdex se jtajru bużżieqa ta’ kulur kaħlani.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046