STQARRIJA MILL-PRIM MINISTRU JOSEPH MUSCAT DWAR IL-KUNSILL EWROPEW LI LTAQA’ BEJN IL-ĦAMIS 23 U L-ĠIMGĦA 24 TA’ OTTUBRU 2014 U ŻJARA F'SINGAPORE BEJN L-ERBGĦA 29 U L-ĠIMGĦA 31 TA' OTTUBRU 2014
Sur President,
Nixtieq nirrapporta lil din il-Kamra dwar ix-xogħol li sar waqt il-Kunsill Ewropew li ltaqa’ nhar il-Ħamis 23 u l-Ġimgħa 24 ta’ Ottubru, u li l-konklużjonijiet tiegħu qed inpoġġihom fuq il-mejda tal-Kamra.
Dan il-Kunsill iffoka b’mod partikolari fuq żewġ temi: it-tibdil fil-klima u l-ekonomija.
IT-TIBDIL FIL-KLIMA
Malta kienet sodisfatta bil-qbil favur it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li ntlaħaq f’dan is-summit. Huwa kompromess bejn il-pajjiżi li riedu miri aktar ambizzjużi u dawk li qalu li l-pass kien mgħaġġel wisq. Kompromess realistiku li wassal biex l-Unjoni Ewropea tiddikjara l-għan li l-emissjonijiet fl-atmosfera jonqsu b’40% sas-sena 2030, meta mqabbel mal-livelli ta’ emissjonijiet fis-sena 1990.
B’policies addattati f’setturi differenti, Malta bi ħsiebha tikkontribwixxi, b’mod ambizzjuż anke jekk pajjiż żgħir, għal din il-mira Ewropea dwar it-tnaqqis fl-emissjonijiet.
Qed nimmiraw li l-investiment li qed isir fil-qasam tal-enerġija, biex nimmodernizzaw u nżidu l-effiċjenza fil-ġenerazzjoni tal-elettriku, se jwassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet mill-elettriku b’madwar 60%. Dan ir-riżultat itejjeb il-pożizzjoni ta’ Malta f’dik li hija msejħa bħala l-Emissions Trading Scheme, ETS, li twassal għan-negozjar ta’ allowances skond il-livell tal-emissjonijiet.
Hemm sfidi oħra marbuta mat-tibdil fil-klima. Filwaqt li l-ETS tiffoka fuq emissjonijiet mill-ġenerazzjoni tal-elettriku u industrija ta’ ċertu kobor, is-setturi non-ETS, bħat-trasport, l-agrikoltura u l-iskart, ukoll jikkontribwixxu għal emissjonijiet nazzjonali. Dawn se jibqgħu jiġu indirizzati skont il-miri li kull stat membru se jkollu għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet sas-sena 2030. Dawn il-miri għandhom jiġu stabbiliti skont ir-rata tal-Prodott Gross Domestiku ta’ kull stat membru.
Dan il-qafas, li fuqu ntlaħaq qbil, irid jiġi kkumplimentat b’azzjonijiet fuq livell lokali f’setturi varji. L-ewwel nett, il-karozzi u traffiku fejn hemm bżonn li nibqgħu naġġornaw il-flotta għal waħda li tniġġeż anqas, li ninkoraġixxu l-użu massimu tal-ispazju fil-karozzi permezz ta' car pooling, fejn jekk tista' tintuża karozza waħda aħjar milli jintużaw tnejn, u li jkollna sistema tat-trasport pubbliku li n-nies iħossu li jistgħu jafdaw.
It-tieni nett, hemm il-problema tal-flourinated gases, jew F gases, jiġifieri l-gassijiet li jintużaw f'apparat relattivament qadim tal-arja kkundizzjonata u ta’ refriġerazzjoni. Għas-snin li ġejjin iridu jitfasslu skemi li jinċentivaw il-bidla lejn sistemi aktar nodfa u siguri.
L-impenn ta’ tnaqqis ta’ 40% fl-emissjonijiet globali tal-Unjoni Ewropea mistenni jintlaħaq b’numru ta’ inizjattivi fuq livell Ewropew li jinkludu: reviżjoni fl-Emissions Trading Scheme; miri ġodda ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet non-ETS għal kull stat membru sas-sena 2030; żieda fl-enerġija rinnovabbli fl-Unjoni Ewropea biex nilħqu l-mira ta’ 27% sal-2030; u żieda għal 27% fl-effiċjenza tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea.
Din se tkun il-bażi biex l-Unjoni Ewropea tkun tista tressaq pakkett maqbul, b’leħen wieħed u b’pożizzjoni ċara, fil-konferenza importanti dwar it-tibdil fil-klima li se ssir f’Diċembru 2015 f’Pariġi. It-tama hija li f’din il-konferenza jintlaħaq ftehim globali biex verament il-komunità dinjija tibda tieħu l-azzjoni meħtieġa, speċjalment għal ġenerazzjonijiet ta’ għada.
Hawnhekk nixtieq nirringrazzja lit-team tekniku li ħadem f’isem Malta u għen biex tiġi żviluppata il-pożizzjoni studjata u proattiva ta’ pajjiżna.
Dan il-Kunsill Ewropew issarraf f’riżultat tanġibbli għal pajjiżna. Fid-dawl tal-importanza li qed tagħti l-Unjoni Ewopea għas-suq intern tal-enerġija, Malta kienet identifikata bħala wieħed mill-ftit pajjiżi ta’ prijorità meta niġu għall-aċċess ta’ proġetti li jagħtu interkonnessjoni tal-elettriku u l-enerġija. Flimkien mal-pajjiżi Baltiċi, l-Portugall u Spanja, l-Greċja u Ċipru, pajjiżna qed jingħaraf bħala pajjiż li se jingħataw importanza għal dawn il-proġetti.
Min-naħa tagħna qed nagħtu mbuttatura kbira lix-xogħolijiet fuq l-interconnector u l-infrastruttura meħtieġa. Wara li writna dewmien qawwi, fejn partijiet mill-proġett kienu saħansitra għadhom bla permessi neċessarji mill-awtoritajiet Taljani, illum, grazzi għall-perseveranza, ninsabu fi stadju avvanzat ħafna u qed nimmiraw li l-interconnector jibda jopera fl-ewwel parti tal-2015.
Il-Gvern għaddej ukoll bi studju biex jiddetermina l-vijabbiltà, il-benefiċċji u l-ispejjeż tal-bini ta’ pipeline li jgħaqqadna man-network tal-gass Ewropew. Ix-xogħol fuq dan l-istudju, li parti minnu qed jiġi ffinanzjat minn fondi Ewropej, kien ġie assenjat f’Lulju 2013 wara sejħa pubblika għal tenders li nħarġet f’Diċembru 2012 u għandu jiswa €212,000.
Hu ppjanat li fil-ġimgħat li ġejjin ikunu magħluqa l-istudju regolatorju u l-feasability study biex wara jkunu konklużi wkoll il-cost-benefit analysis u r-risk and sensitivity analysis. Diġà qed isir ukoll xogħol dwar l-istudji l-oħra li jkun imiss wara dawn bħal routing tal-pipeline u studji oħra.
ID-DIREZZJONI EKONOMIKA TAL-UE U ŻONA EWRO
Matul dan il-Kunsill Ewropew saret ukoll diskussjoni miftuħa dwar fejn sejra l-ekonomija Ewropea.
It-tħassib ewlieni fl-Unjoni Ewropea jibqa r-ritmu baxx ta’ tkabbir ekonomiku u l-livelli għolja ta’ qgħad f’ċertu pajjiżi. Tinħass l-urġenza li jiġu implimentati miżuri li jbiddlu r-rotta fuq livell makro-ekonomiku. Intqal li r-riformi strutturali u s-sodezza tal-finanzi pubbliċi huma kruċjali għall-investiment meħtieġ. Filwaqt li hemm min iqis dawn il-prijoritajiet bħala kontradittorji, huwa ċar li hemm bżonn ta' bilanċ.
Fid-dibattitu ġenerali li pubblikament jiġi pinġut bħala wieħed bejn awsterità u flessibbiltà, il-pożizzjoni ta' Malta hija waħda ta' sens komun. Aħna favur id-dixxiplina iżda kontra r-riġidità.
Fis-Summit taż-Żona Ewro kien hemm kontinwazzjoni ta' din id-diskussjoni, bis-sehem tal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, Mario Draghi, li għamel preżentazzjoni dwar trends globali fl-investiment, regolamentazzjoni u tkabbir ekonomiku.
DRAFT BUDGET TA' MALTA
Nixtieq naġġorna lil din il-Kamra dwar tema relatata, jiġifieri d-draft budget ta' Malta. Mis-sena l-oħra, bdiet il-proċedura tat-two pack li permezz tagħhom il-Kummissjoni Ewropea trid tagħti l-fehma tagħha dwar dawn l-abbozzi. Bħal m’għamlet is-sena l-oħra, il-Kummissjoni talbet kjarifiki dwar l-abbozz. Il-kwistjoni, jekk qatt kien hemm waħda, issa fi kliem il-Kummissjoni Ewropea stess, ġiet riżolta.
Il-punt ewlieni kien wieħed aktar tekniku u ta' timing. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni taħdem fuq sistema kontinentali fejn il-miżuri tal-budget f'ħafna pajjiżi jitħabbru minn qabel, imbagħad wara jmorru quddiem il-Parlament, filwaqt li s-sistema Anglo-Sassona bħal dik li nużaw aħna tara li l-budget jitħabbar kollu f'daqqa f'diskors Parlamentari.
Il-Kummissjoni Ewropea fehmet il-pożizzjoni tagħna iżda tajjeb li għal li ġej nikkunsidraw li naddattaw għal din ir-realtà ġdida li żżomm il-bażi tas-sistema li għandna llum filwaqt li tipprova tantiċipa din il-kwistjoni.
MEKKANIŻMU TAL-AĠĠUSTAMENT SKOND L-ISTATISTIKA
Fil-Kunsill Ewropew qam dibattitu dwar l-effett tal-istatistika fuq il-kontribuzzjoni tal-Istati Membri. Dan huwa mekkaniżmu tekniku ta' kull sena li jaġġusta l-ammonti li jħallsu l-pajjiżi skont ir-rati ta’ tkabbir ekonomiku li jkunu rreġistraw matul is-snin.
Disa’ pajjiżi, fosthom Malta fid-dawl taż-żieda fir-ritmu ekonomiku, intalbu jżidu din il-kontribuzzjoni, fil-każ tagħna bi €13-il miljun netti. Kien hemm pajjiżi oħra bħal Franza u l-Ġermanja li, skond dan il-mekkaniżmu, ghandhom jingħataw, u mhux joħorġu, iktar flus mill-Unjoni Ewropea.
Kif diġà għedt dan iċ-ċaqliq isir ta’ kull sena. Din id-darba qamet diskussjoni dwaru għaliex l-entità tas-somom involuti kienu ġeneralment ogħla mis-snin ta’ qabel. Fosthom ir-Renju Unit li ntalab iħallas madwar €2 biljuni aktar.
Intlaħaq ftehim, u se nikkwota bl-Ingliż, "to press the pause button" sakemm jiltaqgħu l-ewwel ir-Rappreżentanti Permanenti fi ħdan il-Coreper, isiru kjarifiċi statistiċi, u jiltaqgħu l-Ministri tal-Finanzi biex jiddiskutu r-riżultati ta' dan kollu.
Fil-laqgħa tar-Rappreżentanti Permanenti, il-Coreper, li saret fit-28 ta’ Ottubru li għadda, deher li hemm konverġenza dwar il-fatt li s-sitwazzjoni ta’ din is-sena hija differenti minn ta’ snin preċedenti u għalhekk ma tistax titqies bħala business as usual. F’dan ir-rigward, twassal appell favur iktar komunikazzjoni effettiva ġaladarba dawn l-aġġustamenti jaffettaw il-budgets nazzjonali.
Il-pajjiżi qablu fuq il-ħtieġa ta’ diskussjoni politika, apparti dik teknika, biex jingħataw l-ispjegazzjonijiet meħtieġa. Din id-diskussjoni fil-fatt se ssir fil-laqgħa tal-ECOFIN nhar is-7 ta’ Novembru.
Nixtieq nagħmel tliet punti ċari.
L-ewwel nett, is-sistema baġitarja tagħna kienet ipprevediet il-possibbiltà ta' aġġustament akbar mis-soltu u saret proviżjoni għalih.
It-tieni nett, jekk ikun hemm ftehim politiku li l-ħlas isir bin-nifs, jista' xorta jagħti l-każ li Malta jkun jaqblilha tħallas kif skedat fl-ewwel ta' Diċembru. Dan għaliex, jekk ma jsirx dan, skond ir-regoli li jikkmandaw din il-proċedura, ikollna nħallsu 5% imgħax, li hu aktar mir-rata li nħallsu aħna lis-suq. Dan sakemm ma jkunx hemm qbil li ma titħaddimx din ir-regola.
It-tielet nett, anke jekk ikun hemm qbil li l-ħlas isir bin-nifs u bla imgħax, l-ammont xorta jibqa’ jidher kollu kemm hu fuq sena waħda, is-sena li matulha isir magħruf dan l-aġġustament, jiġifieri l-2014. Dan minħabba s-sistema tal-accruals, skont il-leġislazzjoni preżenti u sakemm ukoll ma jkunx hemm qbil mod ieħor.
Minkejja li konna qed nistennew aġġustament u kien hemm proviżjoni, nassigura lil din il-Kamra li qegħdin attenti ħafna minħabba li l-mekkaniżmu ma jiddependix fuq l-istatistika tagħna biss iżda ukoll fuq dik ta' pajjiżi oħra.
TEMI OĦRAJN
Dan is-summit iddiskuta temi oħra importanti. Fosthom it-tixrid tal-virus tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika u n-numru ta’ nies infettati. Filwaqt li rrikonoxxa l-ħidma ta’ gvernijiet differenti quddiem sfida li thedded il-ħajja tan-nies, il-Kunsill Ewropew appella għal rispons aktar sostenibbli u msaħħaħ, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-kura u t-tagħmir mediku. Intqal li l-iskala tal-epidemija hija theddida mhux biss għall-ekonomija u l-istabbiltà tal-pajjiżi milquta imma għar-reġjun kollu.
Qamet ukoll il-kwistjoni tal-Ukrajna fejn is-summit laqa’ l-memorandum ta’ Minsk bħala pass ’il quddiem għal soluzzjoni politika lejn l-indipendenza, s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna. Il-Kunsill Ewropew wassal messaġġ ċar li l-partijiet kollha involuti għandhom jaġixxu b’mod immedjat fuq dan il-memorandum, b’mod partikolari b’rabta mal-waqfien mill-ġlied, l-arranġamenti għal kontrolli fuq il-fruntieri u ż-żamma ta’ elezzjonijiet fir-reġjuni ta’ Donestsk u Luhansk.
IŻ-ŻJARA F’SINGAPORE
Nixtieq nieħu l-okkażjoni biex ninforma lill-Kamra wkoll dwar żjara li għamilt f'Singapore. Matul din iż-żjara kelli l-opportunità niltaqa mall-Prim Ministru Lee Hsien Loong fejn tkellimna b'mod fattibbli dwar ħidma li tista' ssir bejn iż-żewġ pajjiżi.
Singapore huwa pajjiż id-doppju ta' Malta bħala daqs iżda b'għaxar darbiet aktar popolazzjoni. Huwa pajjiż li rnexxielu jżewweġ l-iżvilupp ekonomiku mal-ambjent anke b'policies bħal dik tar-reklamazzjoni tal-art. Rajna ukoll is-sistema tat-tmexxija tat-traffiku tagħhom, meqjusa bħala waħda mill-aqwa fid-dinja. Ma jfissirx li kull ma jagħmlu Singapore nistgħu nagħmluh aħna, għaliex ir-realtajiet, ewlenija fosthom is-sistema ta' governanza, huma differenti.
Matul iż-żjara indirizzajt il-Konferenza Globali dwar iċ-Ċittadinanza organizzata minn Henley and Partners u li għaliha attendew madwar 300 professjonist minn kumpaniji speċjalizzati minn madwar id-dinja. Is-sessjoni ewlenija kienet dedikata għal Malta u kien hemm preżentazzjonijiet eċċellenti minn Jonathan Cardona minn Identity Malta, Kenneth Farrugia minn Finance Malta u Andre Zarb minn KPMG. Ninnota ukoll il-preżenza importanti ta' kumpaniji ta' avukati u accountants Maltin li qed jibnu networks tajbin ma' barranin.
Kellna laqgħa maċ-Chairman ta' Temasek, li hu l-Fond Nazzjonali tal-Investiment ta' Singapore, u maċ-Chairman ta' IE Singapore, li tieħu ħsieb issib opportunitajiet ta' investiment għal dawn il-kumpaniji barra l-pajjiż. Nemmen li jista' jkun hemm prospetti tajbin.
L-ewwel riżultat diġà ksibnih meta kif tħabbar, wara ftehim li sar is-sena l-oħra, twaqqfet joint venture bejn il-kumpanija International Energy Group minn Singapore u l-Malta Enterprise, b'tal-aħħar ikollha 10% tal-ishma.
L-għan tal-joint venture se jkun biex, b'passi inkrimentali, jgħin jistabilixxi lil Malta bħala trading hub finanzjarju għal tranżazzjonijiet dwar l-enerġija bejn l-Ewropa u l-Asja.
Irrid nirrimarka li l-bidu ta' din l-idea ġiet mis-settur privat Malti, b'mod partikolari l-kumpanija Attard & Co li ppromwoviet lil Malta f'dan il-qasam fl-Asja. Dan huwa eżempju ta' kif is-settur pubbliku u privat jistgħu jaħdmu flimkien anke fil-promozzjoni tal-investiment.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046