IĊ-CHILDCARE GĦAL ĠENITURI LI JAĦDMU JEW JISTUDJAW JGĦIN BIEX AKTAR NISA JIDĦLU FID-DINJA TAX-XOGĦOL
Il-Ministru Dalli tenfasizza l-ħtieġa ta’ aktar strutturi t’appoġġ biex pajjiżna joffri opportunitajiet indaqs bejn l-irġiel u n-nisa fl-isfera politika.
F’indirizz li għamlet f’għeluq ta’ konferenza dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli tkellmet dwar il-prijorità li l-Gvern qed jagħti lill-ugwaljanza.
Semmiet kif għall-ewwel darba wara tnejn u tletin sena, pajjiżna reġa’ għandu President ta’ Malta mara wara li kien l-istess partit fil-Gvern li fl-1982 kien ħatar l-ewwel mara biex tokkupa l-ogħla kariga fil-pajjiż.
Dott. Dalli spjegat kif pajjiżna għamel avvanzi sostanzjali mill-2009 fejn tidħol rappreżentanza femminili fl-ammont ta’ Membri Parlamentari Ewropej. Dan meta minn 50%, issa Malta għandha 67% tal-MEPs tagħha nisa għal total ta’ erbgħa minn sitta.
Din iż-żieda hija wkoll riflessa fl-ammont ta’ kandidati nisa li jikkontestaw dawn l-elezzjonijiet li żdied bi 17.6% matul is-snin.
Dott. Dalli spjegat kif bil-miżura li daħħal il-Gvern din is-sena ta’ childcare b’xejn, sa Settembru li għadda kien hemm aktar minn 2700 tifel u tifla fl-etajiet ta’ bejn tliet xhur u tliet snin li qed jattendu ċentri ta’ childcare f’Malta u Għawdex. Il-Gvern implimenta wkoll miżuri oħra fosthom il-Breakfast Club Programme għall-iskejjel primarji kif ukoll Klabb 3-16 matul il-vaganzi tas-sajf li lkoll offrew aktar flessibilità għall-ġenituri li jaħdmu.
Il-konferenza nfetħet mill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Dott. Anġlu Farrugia li semma kif l-elezzjoni tal-2008 kienet l-ewwel waħda li fiha kienu eletti żewġ nisa minn żewġ distretti u li kienu l-Ministru attwali Helena Dalli u Dolores Cristina.
Dott. Farrugia fisser kif dan huwa eżempju ċar li bħalma l-irġiel jagħmlu suċċess fil-politika, hekk ukoll jistgħu jagħmlu n-nisa.
Il-konferenza kienet organizzata mill-ODIHR (Office for Democratic Institutions and Human Rights) bil-parteċipazzjoni tal-Parlament Malti, l-NCPE u l-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046