IL-MINISTRU BRINCAT JIFFIRMA FTEHIM TA’ KOOPERAZZJONI F’GĦADD TA’ OQSMA AMBJENTALI FL-IŻRAEL
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat għadu kif iffirma ftehim fl-Iżrael dwar kooperazzjoni bejn iż-żewġ Gvernijiet f’għadd ta’ oqsma ambjentali, flimkien mal-Ministru Iżraelit tal-Ħarsien tal-Ambjent Amir Peretz. Dan sar fl-uffiċċju tiegħu fil-Knesset f’Ġerusalem.
Dan il-ftehim ikopri fost setturi oħrajn il-kwalità tal-arja, l-afforestazzjoni, l-ekonomija l-ħadra, l-iżvilupp sostenibbli, l-immaniġġjar tal-iskart, it-tniġġiż tal-ħsejjes, it-tibdil tal-klima u l-ambjent marittimu.
Dawn l-oqsma ġew ittrattati wkoll f’taħdidiet intensivi li l-Ministru Brincat u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru s-Sur Joseph F Caruana kellhom ma’ għadd ta’ esperti fil-Ministeru għall-Ħarsien Ambjentali.
Matul iż-żjara tiegħu, l-Ministru Brincat iltaqa ma’ esperti mill-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart u żar il-KKL Landfill Restoration Project f’Hiriya, Tel Aviv; l-Environmental Services Company tal-Gvern fl-Eco Industrial Park fin-Negev; l-Ariel Sharon Park li sas-sena 2020 mistenni jkun fost l-akbar parks fid-dinja; kif ukoll żar osservatorju ambjentali.
Il-Ministru Brincat kellu wkoll taħdidiet mal-koordinatur tas-sostenibbilita’ tal-Green Knesset Project li qed jiġi mwettaq ġewwa l-Parlament Iżraelit innifsu.
Għat-taħdidiet attendew Oren David Ambaxxatur tal-Iżrael għal Malta u Simon Pullicino l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Iżrael.
Il-Ministru Brincat ġie mistieden u milqugħ mill-Ispeaker tal-Knesset biex jattendi laqgħa plenarja tal-Parlament Iżraelit.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046