F’ĦAL QORMI JITLESTA KOMPONENT IMPORTANTI MILL-PROĠETT NAZZJONALI GĦAT-TAFFIJA TAL-GĦARGĦAR
Fil-ġranet li għaddew tlestiet fażi importanti mill-proġett nazzjonali għat-taffija tal-għargħar, meta tlesta xogħol estensiv fuq il-komponent ta’ Ħal Qormi, waħda mill-aktar lokalitajiet f’pajjiżna li tintlaqat mill-għargħar.
Ix-xogħol fuq dan il-komponent tal-proġett beda f’Novembru ta’ sentejn ilu u matul dan il-perjodu saru diversi interventi maġġuri, fosthom il-bini ta’ żewġ culverts kbar il-wisa' tat-triq kollha taħt Triq il-Wied, il-bini ta’ erba’ culverts kbar taħt Triq Aldo Moro, il-bini ta’ żewġ culverts ħdejn il-pont l-antik tal-korsa tal-golf, it-twaqqigħ u l-bini mill-ġdid ta’ tliet pontijiet – wieħed fi Triq Correa, ieħor fi Triq Manuel Dimech u ieħor fi Triq il-Mitħna, kif ukoll il-fetħa maġenb il-pont li hemm fi Triq San Bastjan biex l-ilma jkun jista’ jgħaddi b’mod aktar faċli.
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi kif ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea 2017 dalgħodu indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet, fejn esprimew is-sodisfazzjon tagħhom li grazzi għall-impenn li sar matul dawn is-sentejn, illum, ir-residenti ta’ Ħal Qormi qed jibbenefikaw mill-frott ta’ dan il-proġett.
Il-Ministru Joe Mizzi qal li matul dawn ix-xogħlijiet, irriżultaw diversi ntoppi fosthom nixxigħat ta’ drenaġġ, instabu katusi mkissrin, blat iebes u sadd fil-katusi fost oħrajn, iżda l-koordinament li kien qed isir b’mod regolari bejn l-entitajiet differenti li huma involuti fil-proġett, għen biex dawn l-intoppi jingħelbu u ma jħallux lill-proġett jaqa’ lura.
Huwa fakkar li dan il-proġett huwa wieħed ta’ importanza kbira għal pajjiżna u li l-poplu ilu jistenna ħafna. Il-Ministru rringrazzja lill-project leader, lill-periti, kuntratturi u lill-ħaddiema li wettqu dan ix-xogħol f’kundizzjonijiet diffiċli.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Dr. Ian Borg faħħar ix-xogħol li twettaq u żied jgħid li dan il-progett ġie wkoll estiż sabiex jinkludi l-parti ta` Ħaż-Żebbug. Din il-parti saret possibli grazzi għal żieda ta’ madwar €700,000, waqt li kkonferma li sa Lulju 2014, ix-xogħlijiet fil-mina ta’ Ħaż-Żebbug kienu 80% kompluti, bil-kumplament mistenni jitlesta fix-xhur li ġejjin. Huwa temm jgħid li x-xogħol li sar f'dawn l-aħħar xhur fuq dan il-proġett ser jgħin mhux ftit lill-pajjiż jilħaq il-miri finanzjarji tiegħu fejn jidħlu fondi ewropej.
Għall-konferenza tal-aħbarijiet, attendiet ukoll is-Sindku ta’ Ħal Qormi, Rosianne Cutajar li rringrazzjat lill-Gvern tal-impenn tiegħu biex matul l-aħħar sena u nofs tħaffef ix-xogħol għall-benefiċċju tar-residenti ta’ din il-lokalità.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046