IS-SITTA U SITTIN ANNIVERSARJU MIT-TRAĠEDJA LI ĦALLIET 24 PERSUNA MGĦARRQA BEJN MALTA U GĦAWDEX
Imfakkra t-traġedja li ħalliet 24 persuna mejta waqt vjaġġ traġiku bejn Malta u Għawdex fit-30 ta’ Ottubru tal-1948.
Din it-traġedja ġiet ikkommemorata waqt ċerimonja ppreseduta mill-Ministru għal Għawdex Anton Refalo abbord il-vapur MV Gaudos. Iċ-ċerimonja kienet tinkludi quddiesa ċċelebrata minn Fr Joe Cini.
Fi tmiem il-quddiesa saret ċerimonja qasira fuq l-istiva tal-vapur, fejn il-Ministru Anton Refalo, flimkien ma’ mistednin distinti u qraba ta’ wħud mill-vittmi, tefgħu l-fjuri fil-baħar fil-post fejn seħħet it-traġedja, bħala sinjal ta’ tifkira u rispett.
Preżenti wkoll kien hemm id-deputat Dr Franco Mercieca, is-sindku ta’ Għajnsielem Frans Cauchi, l-ambaxxatur tal-UNESCO Mons Joe Vella Gauci, iċ-Chairman tal-Kunsill tal-Kultura l-Perit Guido Vella, id-direttur Joyce Farrugia, iċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina u l-ex Speaker Anton Tabone.
Din id-diżgrazzja, li hija l-ikbar traġedja li seħħet f’Għawdex wara t-Tieni Gwerra Dinjija, ġrat meta luzzu mgħobbi bil-passiġġieri, fosthom żewġ pulizija u mara, flimkien ma’ żewġ membri tal-ekwipaġġ, kienu telqu mill-Marfa għal Għawdex f'maltemp u baħar qawwi.
Minn dak it-traġitt, li ntemm ħesrem qrib il-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien, kienu biss erba’ passiġġieri li rnexxielhom isalvaw billi għamu sal-kosta.
It-tifkira ta’ din il-ġrajja, tiġi kkommemorata kull sena bi program ikkordinat mill-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046