BL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-KONVENZJONI TA’ ISTANBUL, IL-GVERN QED JIBGĦAT MESSAĠĠ ĊAR KONTRA KULL FORMA TA’ VJOLENZA FUQ IN-NISA
Permezz tal-Akkademja tal-Pulizija, se jkun qed jissaħħah it-taħriġ neċessarju dwar kif l-uffiċjali fil-korp għandhom jaġixxu f’każijiet ta’ vjolenza domestika u kull forma oħra ta’ vjolenza fuq in-nisa
L-1 ta’ Novembru jimmarka l-jum li fih pajjiżna flimkien ma’ tlettax-il pajjiż ieħor mill-Ewropa kollha qed idaħħal fis-seħħ l-artikli tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li Malta rratifikat f’Lulju li għadda, u li jitrattaw il-vjolenza kontra n-nisa fosthom dik domestika u sesswali.
F’konferenza tal-aħbarijiet konġunta mal-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Emanuel Mallia, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli ddeskriviet dan il-mument bħala wieħed importanti fejn il-Gvern qed jibgħat sinjal ċar li kull tip ta’ vjolenza inkluż dik kontra n-nisa mhux se tkun tollerata. Barra minn hekk, qed jitwassal messaġġ ukoll li se jkun qed jissaħħah l-infurzar tal-liġi kontra min iwettaq il-vjolenza.
Il-Ministru Dalli semmiet kif Malta pparteċipat b’mod attiv fl-ifformular tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, tant li hi meqjusa bħala fost wieħed mill-aktar pajjiżi li kkontribwew fil-proċess. Pajjiżna kien ukoll mal-ewwel tmienja li rratifikaw din il-konvenzjoni qabel ma’ daħlet fis-seħħ.
Helena Dalli spjegat kif bħala parti mill-implimentazzjoni, il-Gvern Malti diġà għadda liġi li wasslet għall-kriminalizzazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa (female genital mutilation), kif ukoll għaddew liġijiet kontra ż-żwieġ furzat (forced marriage) u l-isterilizzazzjoni furzata.
“Pass ieħor importanti li llum qed nagħmlu b’din il-konvenzjoni hu li issa l-vjolenza kontra n-nisa qed tiġi meqjusa bħala forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa”, kompliet il-Ministru Dalli.
Helena Dalli fissret kif riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika issa qed tagħmel parti mill-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, fejn il-kummissjoni qed tieħu rwol aktar wiesgħa.
Il-Ministru ħabbret ukoll kif twaqqaf grupp interministerjali li qed iħejji rapport kemm dwar bidliet fil-liġi li hemm bżonn isiru biex pajjiżna jkun konformi mal-konvenzjoni, kif ukoll sabiex ikun żviluppat pjan prattiku kontra l-vjolenza.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Emanuel Mallia ħabbar li l-Korp tal-Pulizija se jkun qiegħed iħarreġ aktar lill-pulizija biex jgħinu lill-vittmi tal-vjolenza domestika u jinvestigaw dawn il-każijet, filwaqt li se jkompli l-investiment fl-għases tal-pulizija biex vittmi ta’ vjolenza domestika jkunu jistgħu jinstemgħu f’ambjent privat.
Il-pulizija se jkollhom ukoll il-possibilità li joffru ħarsien temporanju f’każijiet estremi. Il-Ministru Mallia semma’ wkoll li mistenni jingħata taħriġ għar-Rapid Intervention Unit li flimkien mal-Pulizija tad-Distrett ikunu l-ewwel membri tal-Korp li jmorru fuq il-post.
Il-Ministru qal li l-vjolenza fuq in-nisa f’pajjiżna hija realtà. F’pajjiżna din is-sena diġà kien hawn mad-49 rapport ta’ vjolenza fuq nisa. Fl-aħħar ħames snin bejn l-2009 u l-2013 kienu rrapurtati 4,102 każ ta’ vjolenza domestika. F’erba’ snin ir-rapporti ta’ vjolenza domestika rduppjaw. Dan jista’ jfisser li jew żdiedu l-każijiet, jew inkella tnaqqset il-perċezzjoni li l-vjolenza fuq in-nisa, il-karba ta’ mara muġugħa tinxtorob mill-ħitan tad-dar u qatt ma toħroġ ’il barra.
L-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit semma’ kif din il-konvenzjoni tpoġġi diversi obbligi fuq il-korp, fosthom il-protezzjoni tal-vittmi u l-familjari tagħhom fejn il-Pulizija għandha rwol kruċjali.
Iċ-Chairperson tal-Kummissjoni għall-Vjolenza Domestika Yana Micallef Stafrace saħqet fuq l-importanza ta’ għarfien akbar dwar il-vjolenza domestika permezz ta’ edukazzjoni mhux biss mal-adulti iżda wkoll mal-istudenti.
Yana Micallef Stafrace semmiet kif bħalissa l-Kummissjoni qed taħdem mill-viċin mal-Ministeru tal-Edukazzjoni filwaqt li se jkunu qed jitmexxew diversi kampanji edukattivi biex il-pubbliku jsir jaf aktar dwar l-effetti li l-vjolenza ġġib magħha mhux biss fiżiċi iżda wkoll psikoloġiċi.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046