L-AWTORITÀ GĦAS-SAĦĦA U SIGURTÀ FUQ IL-POST TAX-XOGĦOL B’SEMINAR DWAR L-ANZJANITÀ ATTIVA
M’hemm ebda evidenza konsistenti li turi li ħaddiema akbar fl-età huma ġeneralment anqas produttivi.
Fil-ftuħ ta’ seminar dwar l-anżjanità attiva mtella’ mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) u l-Aġenzija Ewropea f’dan il-qasam, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Helena Dalli tkellmet fuq l-importanza li jkollna għarfien aħjar u attitudnijiet tajba lejn l-anzjanità.
Semmiet il-fatt li fis-snin li ġejjin in-numru ta’ żgħażagħ li deħlin fid-dinja tax-xogħol se jkun qed jonqos, li minnu nnifsu se jwassal biex ikollna żieda fin-numru ta’ nies akbar li jibqgħu jaħdmu.
Il-Ministru Dalli fissret kif hemm studji li juru li ħaddiema akbar fl-età jfallu anqas minħabba mard u jibqgħu fl-impjieg għal aktar żmien.
Ikkwotat stħarriġ tal-opinjonjiet imwettaq mill-EU-OHSA fl-2012 li juri kif il-parti l-kbira taċ-ċittadini Ewropej jaħsbu li prattiċi tajbin għas-saħħa u s-sigurtà huma ferm importanti biex jgħinu lin-nies jaħdmu għal aktar żmien qabel jirtiraw.
“Irridu naħdmu wkoll fuq ir-rijabilitazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema esklużi mill-post tax-xogħol għal perjodu twil minħabba aċċident fuq ix-xogħol, mard jew diżabilità okkupazzjonali li jridu jiġu mtejba” qalet il-Ministru Dalli.
Hija enfasizzat kif m’hemm ebda evidenza konsistenti li turi li ħaddiema akbar fl-età huma ġeneralment anqas produttivi minn ħaddiema iżgħar minnhom.
Il-Ministru Dalli qalet li l-post tax-xogħol għandu rwol prominenti fil-promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa u fl-appoġġ tal-attivitajiet li jevitaw it-tnaqqis fil-kapaċità funzjonali, u b’hekk jgħin iżomm l-abbilità tax-xogħol.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana qalet li, fil-bidla biex jiġu promossi prinċipji dwar saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol li jgħinu impjegati ħaddiema ikbar fl-età u wara l-età tal-irtirar, irid ikun hemm l-istakeholders kollha involuti, kemm min-naħa tal-gvern, min-naħa ta' min jimpjega, u l-persuni nnifishom.
Justyne Caruana semmiet li studji demografiċi juru li l-poplazzjoni fl-età tax-xogħol speċjalment dawk ta' età 'l fuq minn 55 sena se tespandi b'madwar 16% bejn l-2010 u l-2030.
Skont is-Segretarju Parlamentari, f'Malta għandna rata baxxa ta' ħaddiema ta' età bejn il-55 u l-64 sena. Qalet li f’pajjiżna r-rata ta' ħaddiema ta' età akbar bejn l-2002 u l-2012 żdiedu biss bi 3%, meta mqabbla ma’ 11% fost il-membri tal-Unjoni Ewropea. Semmiet ukoll li n-nisa għandhom parteċipazzjoni iktar baxxa mill-irġiel fis-suq tax-xogħol.
Justyne Caruana semmiet il-Politika Strateġika Nazzjonali għal Anzjanità Attiva għal Malta, mwaqqfa minn dan il-gvern, li tinkoraġġixxi lil persuni ta’ età akbar biex jibqgħu fis-suq tax-xogħol bħala parti mill-aġenda tal-Unjoni Ewropea dwar l-anzjanità attiva.
Madankollu, din il-bidla mill-‘passiv’ għall-‘attiv’ fejn tidħol il-politika ta’ ħarsien soċjali għal nies akbar fl-età mhix se tiġi waħedha, iżda fi sħubija ma’ sistemi oħrajn ta’ politika ta’ ħarsien li jappoġġjaw ħaddiema ta’ età akbar.
Iċ-Chairman tal-OHSA Deo Debattista saħaq fuq l-importanza li fl-evalwazzjonijiet tar-riskji li jsiru, jiġu kkunsidrati wkoll dawk relatati mal-anzjanità hekk kif dawn mhumiex jiġu indirizzati kif meħtieġ.
Dan is-seminar sar bil-għajnuna tal-Unit ta’ Anzjanità Attiva fi ħdan id-Dipartiment għall-Anzjani u l-Kura fil-Komunità.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046