IL-VIŻJONI EKONOMIKA TAL-GVERN GĦAS-SETTUR TAL-iGAMING DISKUSSA MATUL IS-‘SUMMIT OF iGAMING MALTA’
Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr. Chris Cardona flimkien mas-Segretarju Parlamentari għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Kompettività, Dr. José Herrera pparteċipaw fl-ewwel edizzjoni tas-‘Summit of iGaming Malta’ li huwa mistenni jattira mal-elfejn stakeholder.
Il-Ministru Chris Cardona tkellem dwar is-suċċess ekonomiku li qed jikseb pajjiżna, liema suċċess kien ikkonfermat fl-aħħar jiem mill-Aġenzija ta’ Kreditu Internazzjonali Moody’s.
Dr. Cardona qal li pajjiżna llum qed jibgħat messaġġ b’saħħtu lil min irid jinvesti li Malta huwa l-pajjiż adattat għall-investimenti tagħhom, bi Gvern li lest joffri kull għajnuna biex ikunu suċċess u mhux joħloq ostakoli burokratiċi.
“Dan il-Gvern jiċċelebra s-suċċess tal-investituri għaliex is-suċċess tal-investituri ifisser aktar impjiegi ta’ kwalità” saħaq il-Ministru Cardona.
Semma kif Malta mhux qed tattira kwalunkwe tip ta’ investiment lejn il-pajjiż. Malta qed jirnexxilha tattira investimenti ta’ kwalità, kif kien ikkonfermat mill-IBM Global Location Trends Report (2014) li ħareġ fl-aħħar sigħat u li klassifika lil Malta fit-tieni post fost il-pajjiżi madwar id-dinja f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwalità ta’ investiment dirett barrani li rnexxielu jattira l-pajjiż matul is-sena li għaddiet.
Il-Ministru Cardona qal li l-Gvern huwa ottimist li dan ir-ritmu se jinżamm tant li fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena l-Malta Enterprise kienet diġà approvat 17-il proġett ġdid b’investiment dirett barrani.
Dr. Chris Cardona f’isem il-Gvern Malti rringrazzja lill-istakeholders fis-settur tal-iGaming tal-kontribut sinifikanti li qed jagħtu lill-ekonomija Maltija.
Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Parlamentari José Herrera qal li l-industrija tal-iGaming fil-pajjiż hija t-tieni l-akbar industrija wara t-turiżmu.
Dr. Herrera tkellem dwar il-viżjoni tal-Gvern għal din l-industrija. Qal li mill-aspett leġislattiv il-Gvern qed jagħmel minn kollox biex jipproteġi l-integrità tal-ġurisdizzjoni tagħha.
Mill-aspett organizzattiv u promozzjonali, il-Gvern qed jinfetaħ għal ideat u kunċetti ġodda.
Is-Segretarju Parlamentari rrefera għall-ittra li huwa bagħat lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-oġġezzjoni ta’ Malta fuq ċerti aspetti tal-konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa fuq il-kompetizzjonijiet fl-isport.
Dr. José Herrera qal li fil-futur qarib, il-Gvern ser ivara Gaming Malta li ser tieħu ħsieb l-aspett promozzjonali. Sadanittant huwa qal li l-Gvern qed jipprepara biex dalwaqt iwaqqaf akkademja tal-gaming ħalli b'hekk tiġi indirizzata d-diskrepanza fil-ħiliet tal-ħaddiema Maltin u dawk barranin f'din l-industrija.
Huwa qal li din l-akkademja hija bżonjuza aktar u aktar meta tqis ċerti riżultati bħal dawk tal-EY Malta Attractiveness Survey (2013) fejn intqal li sebgħa u sebgħin fil-mija tal-kumpaniji fl-ICT, telekomunikazzjoni u igaming li joperaw minn pajjiżna qalu li s-suq lokali ma jipprovdix il-ħiliet meħtieġa.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046