IL-MINISTRU DR EDWARD ZAMMIT LEWIS F’INFORMAL MINISTERS MEETING F’NAPLI
Is-sinerġija bejn it-turiżmu u l-kultura fl-Ewropa għandha tkun tradotta fit-tkabbir ekonomiku u opportunitajiet ta’ xogħol għaċ-ċittadini Ewropej.
Il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis attenda għall-Informal Ministers Meeting organizzat mill-Presidenza Taljana tal-Unjoni Ewropeja ġewwa Napli, fl-Italja. Din il-laqgħa kienet titratta t-turiżmu u l-kultura fl-Ewropa u kif b’sinerġija bejn dawn iz-żewġ setturi jista’ ikun hemm tkabbir ekonomiku u ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ xogħol. Din il-laqgħa tmexxiet mill-Ministru Taljan għat-Turiżmu u l-Kultura Dario Franceschini fil-preżenza tal-Kummissarju Ewropew responsabbli Ferdinando Nelli Feroci u s-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Dinjija tat-Turiżmu Dr Taleb Rifai.
F’din il-laqgħa ġiet diskussa kif il-kultura tista’ tkun għodda tant important biex tipromovi is-settur turistiku. Ġie diskuss ukoll kif jistgħu jinħolqu sinerġiji ġodda bejn iż-żewg setturi u x’għandu jkun ir-rwol tal-Kummissjoni Ewropeja f’dan kollu. Ġie diskuss ukoll l-appoġġ li għandu jingħata għal aktar edukazzjoni u taħriġ kif ukoll għajnuna li għandha tingħata lill-intrapriżi żgħar u medji. Issemma wkoll kif organizzazzjonijiet fuq livell Ewropew u internazzjonali bħall-Kunsill tal-Ewropa, WTO u UNESCO jistgħu jgħinu f’dan kollu.
Fl-intervent tiegħu l-Ministru Zammit Lewis saħaq li dawn iż-żewg setturi jagħtuna identità Ewropeja komuni però hemm bżonn li l-pajjiżi Ewropej jaħdmu aktar flimkien biex dan jiġi tradott fit-tkabbir ekonomiku u opportunitajiet ta’ xogħol għaċ-ċittadini Ewropej. Il-Ministru semma wkoll l-importanza tal-ekonomija diġitali li għandha tiġi applikata aktar fis-settur tat-turiżmu kif ukoll li hemm bżonn ta’ aktar ħidma koordinata biex noffru pakkett integrat Ewropew sabiex nattiraw iktar turiżmu minn barra l-Ewropa. Saħaq ukoll li f’dan ir-rigward, hemm bżonn ukoll li nsiru aktar effiċjenti fil-proċeduri li permezz tagħhom noħorġu l-VISAS.
Il-Ministru Zammit Lewis tenna li fuq livell Ewropew, il-Kummissjoni Ewropeja ħadet ċertu inizjattivi pożittivi biex tmexxi ‘l quddiem il-kompetittività u s-sostenibbilità tat-turiżmu iżda baqa’ ħafna x’isir u baqa’ ħafna sfidi quddiemna. Dr Zammit Lewis saħaq li l-Kummissjoni għandha tagħti iktar konsiderazzjoni lill-isfidi li jaffaċċjaw stati gżejjer żgħar fil-periferija tal-Ewropa bħal nuqqas ta’ konnettività, nuqqas ta’ viżibbilità u riżorsi.
Il-Ministru kkonkluda li Malta qed tħares b’entużjażmu għal żewġ appuntamenti importanti fuq livell Ewropew; dik tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropeja fis-sena 2017 u dik tal-Belt Kapitali Ewropeja tal-Kultura fis-sena 2018.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046