IL-KUNSILL MALTI GĦALL-IŻVILUPP EKONOMIKU U SOĊJALI JIDDISKUTI L-ISTRATEĠIJA NAZZJONALI GĦAT-TAGĦLIM TUL IL-ĦAJJA 2020
L-istrateġija tindirirzza l-parteċipazzjoni ta’ adulti bejn il-25 u 65 sena u tirrikonoxxi t-tagħlim tul il-ħajja bħala dritt fundamentali għaċ-ċittadini kollha.
F’laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, kien preżentat abbozz ta’ dokument li jelenka l-istrateġija nazzjonali ta’ pajjiżna fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja sas-sena 2020.
Fil-ftuħ tal-laqgħa, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli semmiet kif din l-istrateġija hija mmirata biex tindirizza erba’ sfidi ewlenin fosthom il-livell baxx ta’ adulti li jipparteċipaw fit-tagħlim, in-numru ta’ studenti li jitilqu mill-iskola kmieni u dawk li ma jiksbux il-ħiliet neċessarji.
Il-Ministru Dalli spjegat kif din l-istrateġija se tkun qed tindirizza wkoll il-problema ta’ nuqqas ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol jew dawk li ma jistgħux joħorġu jaħdmu, kif ukoll is-sitwazzjoni ta’ livell baxx ta’ edukazzjoni li tgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo spjega kif it-tagħlim tul il-ħajja huwa marbut mal-istrateġija nazzjonali għall-edukazzjoni 2014-2024 u jirrikonoxxi l-edukazzjoni tul il-ħajja bħala dritt fundamentali għaċ-ċittadini kollha.
Semma kif teżisti rabta wkoll mal-politika tal-gvern biex ikollna iżjed żgħażagħ li jispiċċaw bil-ħiliet fis-sistema edukattiva u mal-politika tal-impjiegi fejn il-livell tal-ħiliet tan-nies jogħla.
Il-Ministru Bartolo saħaq fuq l-importanza li l-ħaddiema jibqgħu jitħarrġu tul ħajjithom kollha biex jassiguraw li jibqgħu fid-dinja tax-xogħol.
Ic-Chairman tal-MCESD John Benċini fisser kif din kienet ir-raba’ laqgħa ta’ dan il-kunsill fejn qed jiġu diskussi materji relatati mal-qasam tal-edukazzjoni.
L-imsieħba soċjali laqgħu b’mod pożittiv dan id-dokument li jipproponi 40 programm bħala punt tat-tluq fl-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ tagħlim tul il-ħajja.
Fost l-oħrajn, qed ikun propost li jingħata inċentiv għall-ħolqien ta’ ambjenti learning-friendly u work-based learning li jinkoraġġixxu intrapriżi biex jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom u joffru tagħlim għall-adulti.
Id-dokument ta’ strateġija nazzjonali għat-tagħlim tul il-ħajja huwa miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika sal-14 ta’ Diċembru 2014.
Kopja ta’ dokument jista’ jitniżżel mis-sit www.education.gov.mt
Suġġerimenti dwar din l-istrateġija jistgħu jintbagħtu fuq l-email lifelonglearning@gov.mt
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046