PREŻENTAT FIL-PARLAMENT L-EWWEL QARI TAL-ABBOZZ TA’ LIĠI DWAR L-IDENTITÀ TAL-ĠENERU, L-ESPRESSJONI TAL-ĠENERU U KARATTERISTIĊI TAS-SESS
Il-gvern se jkun qed iwettaq wegħda elettorali oħra fil-qasam tad-drittijiet ċivili u li se tagħti għall-ewwel darba f’pajjiżna drittijiet u rikonoxximent lill-persuni trans u intersex.
Illejla, fil-Parlament il-Gvern ressaq l-ewwel qari tal-abbozz ta’ liġi dwar l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u karatteristiċi tas-Sess.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-bini tal-Parlament ftit tal-ħin qabel il-preżentazzjoni tal-abbozz ta’ liġi, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijijet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli fissret kif wara li aktar kmieni din is-sena l-gvern illeġiżla favur l-unjoni ċivili, din il-liġi hija pass ieħor ’il quddiem fil-qasam tad-drittijiet ċivili.
Fissret kif din il-liġi se ġġib bidla kbira fid-drittijiet u r-rikonoxximent li se jingħataw għall-ewwel darba f’pajjiżna persuni trans u intersex.
Il-Ministru Dalli spjegat kif l-abbozz li qed jitressaq kien żviluppat mill-Kunsill Konsultattiv LGBTI flimkien mal-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, b’konsultazzjoni wiesgħa ma’ diversi għaqdiet mhux governattivi, l-Avukat Ġenerali, Ministeri u entitajiet tal-gvern bħar-Reġistru Pubbliku. Saret ukoll konsultazzjoni ma’ għaqdiet internazzjonali bħal Transgender Europe (TGEU) u Organisation Intersex International Europe (OII Europe).
Il-Ministru Dalli qalet li permezz ta’ dan l-abbozz, il-gvern se jkun qed iwettaq wegħda elettorali oħra f’dan il-qasam, fejn persuni trans se jkunu qed jingħataw id-drittijiet tagħhom li tgħinhom iħossuhom parti integrali mis-soċjetà u b’hekk ma jibqgħux jitqiesu bħala ċittadini tat-tieni klassi.
“Il-liġi kif proposta se tneħħi kull obbligu mediku sabiex wieħed ikun jista’ jbiddel il-ġeneru fuq dokumenti uffiċjali u qiegħda saħansitra tintroduċi dritt għall-identità tal-ġeneru” qalet il-Ministru Dalli. Dan id-dritt se jkun miftuħ kemm għall-adulti kif ukoll għall-minuri.
Spjegat kif wara bidla taċ-ċertifikat tat-twelid, kull dokument uffiċjali ieħor bħall-karta tal-identità, il-passaport jew riżultati tal-eżamijiet, se jkun jista’ jiġi emendat sabiex ikun konformi mal-identità tal-persuna.
Il-Ministru Dalli enfasizzat li l-identità tal-persuna se tkun protetta kontra kxif tal-identità preċedenti għal finijiet malizjużi.
Persuni intersex se jingħataw protezzjoni bil-liġi minn operazzjonijiet normattivi li mhux neċessarji għal saħħithom.
Helena Dalli fakkret fil-każ ta’ Joanne Cassar fejn is-sena li għaddiet il-gvern aġixxa mall-ewwel u indirizza s-sitwazzjoni ta’ ksur ta’ dritt ta’ żwieġ ta’ din il-persuna. Semmiet kif din is-sena l-Gvern introduċa l-identità tal-ġeneru fl-artiklu kontra d-diskriminazzjoni fil-Kostituzzjoni ta’ Malta kif ukoll proċeduri dwar l-istandards li jintużaw fl-eżaminazzjoni tal-applikazzjonijiet għal status ta’ refuġjat.
Elenkat ukoll sensiela ta’ miżuri oħra li ttieħdu din is-sena fosthom li l-bażi tal-identità tal-ġeneru kienet miżjuda bħala waħda mir-raġunijiet li tista’ tagħti lok għall-ażil, il-bdil tar-regolamenti dwar trattament ugwali fl-impjieg, fejn is-sick leave kien estiż għal dawk il-persuni li jkunu għaddejjin minn tibdil tas-sess tagħhom, kif ukoll drittijiet u protezzjonijiet oħra li joħorġu mill-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali.
L-abbozz ta’ liġi dwar l-Identità tal-Ġeneru jintroduċu miżuri varji għall-promozzjoni tal-ugwaljanza u l-kriminalizzazzjoni ta’ atti ta’ mibgħeda.
Dan l-abbozz huwa miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika sat-30 ta’ Novembru u jista’ jitniżżel mis-sit: https://msdc.gov.mt/GIGESC
Il-pubbliku jista’ jgħaddi r-reazzjonijiet tiegħu direttament fis-sit elettroniku, bil-posta jew inkella permezz ta’ email fuq integration@gov.mt
Għall-konferenza tal-aħbarijiet attendew membri mill-Kunsill Konsultattiv LGBTI.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046