IL-KUMMISSJONI EWROPEA TAPPROVA L-PARTNERSHIP AGREEMENT TA’ MALTA GĦALL-PERJODU 2014-2020
L-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u s-Segretarjat Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u Fondi Ewropej jinsabu f’pożizzjoni illi jħabbru li l-Kummissjoni Ewropea approvat il-Partnership Agreement ta’ Malta għall-perjodu 2014-2020.
Fis-sentejn li għaddew, kienu saru diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni kemm fuq livell Ministerjali, kemm mal-imsieħba soċjali kif ukoll mal-pubbliku inġenerali li waslu biex f’April li għadda jiġi sottomess b’mod formali l-ewwel abbozz tal-partnership agreement lill-Kummissjoni Ewropea. Wara kważi sitt xhur ta’ negozjati intensivi bejn iż-żewġ naħat fuq il-prijoritajiet li għandha Malta fil-kuntest tal-politika Ewropea, issa nistgħu nħabbru li dan id-dokument ġie iffinalizzat u maqbul.
L-għeluq tad-diskussjonijiet dwar il-partnership agreement ser jippermettu li Malta tibda tinvesti madwar biljun Ewro f’Fondi Ewropej sabiex jiżdied it-tkabbir ekonomiku u jinħolqu aktar impjiegi. Fost il-fondi li pajjiżna ser jibbenifika minnhom issib il-Fond Ewropew għall-Iżvillupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew Marittimu u għas-Sajd.
Dan id-dokument fil-fatt jippreżenta tliet prijoritajiet ta’ finanzjarjament għas-seba` snin li ġejjin li huma:
1. Trawwim tal-kompetittività permezz tal-innovazzjoni u l-ħolqien ta' ambjent kummerċjali pożittiv;
2. Sostenn lill-ekonomija biex tkun dejjem aktar favur l-ambjent u li tagħmel użu effiċjenti tar-riżorsi;
3. Ħolqien ta’ opportunitajiet permezz ta’ investiment fil-kapital uman u t-titjib tas-saħħa u l-benesseri.
Bl-għan li jsir użu kemm jista’ ikun kmieni tal-Fondi Ewropej, l-ewwel skemi permezz tal-programm il-ġdid ser jibdew jiġu mħabbra minn din is-sena stess. Il-fondi se jintefqu fuq proġetti u inizjattivi ta’ beneffiċċju kemm għall-pubbliku inġenerali kif ukoll għal intrapriżi żgħar u medji, ħalli jkompli jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku b’ġid għas-soċjetà kollha.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046