Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU DR EDWARD ZAMMIT LEWIS WAQT LAQGĦA ĠENERALI ANNWALI TAL-AIR MALTA

pr142515
Date Icon 29/10/2014

Il-Gvern determinat li jagħmel mill-Air Malta linja tal-ajru kummerċjalment vijabbli u ass strateġiku fl-industrija turistika ta’ suċċess ta’ pajjiżna

F’dawn l-aħħar ġimgħat żgur li smajtu jew qrajtu fuq il-mezzi tax-xandir diskorsi varji fuq il-linja tal-ajru nazzjonali l-Air Malta. M’hemmx dubju li se jkompli jkun suġġett ewlieni diskuss fil-futur.

Però, irrid nirrimarka li f’numru ta’ okkażjonijiet, ċerti kummenti dwar l-Air Malta kienu biss frott ta’ spekulazzjonijiet jew dikjarazzjonijiet skorretti li żgur jagħmlu aktar ħsara milli ġid. Dawn jikkontribwixxu għal elementi ta’ inċertezza u ansjetà fost l-impjegati tal-Air Malta, kif ukoll fost il-partijiet tal-industrija kollha ikkonċernati.

Kien proprju għalhekk li jiena, li nirrappreżenta lill-Gvern bħala l-unika azzjonista tal-Airmalta, ħassejt il-bżonn li llum għandi nagħmel intervent. Bla dubju dan il-Gvern għandu għal qalbu ħafna l-Airmalta u l-ġejjieni tagħha. 

Nibda billi naraw x’ġara fis-snin ta’ qabel.  Nixtieq nirrimarka li s-sinjali ċari li l-Air Malta kienet f'diffikultà, kienu injorati għal numru ta’ snin.

Fl-2004 il-Gvern ta’ dak iż-żmien kien ħabbar pjan ta’ ristrutturar, li sussegwentament ġie mwaqqaf u sostitwit bi pjan ieħor li ġie negozjat mal-unions fl-2007. Iżda, dan il-pjan ma ssarraf fl-ebda riżultat sinifikanti u s-sitwazzjoni baqgħet sejra lura.

Għaldaqstant, fl-2010, l-Unjoni Ewropea approvat għajnuna għall-Air Malta li kienet tammonta għal tnejn u ħamsin miljun ewro, imbagħad f’Ġunju tal-2012 l-Unjoni Ewropea approvat ukoll  injezzjoni oħra fi stat  kapitali ta’ mija u tletin miljun ewro. Hawnhekk l-Airmalta ngħatat  is-siġill ta’ approvazzjoni għal pjan ta’ ristrutturar mifrux fuq  ħames snin u li kien immirat li jara l-Air Malta suppost tirkupra sal-2016.

Matul iż-żmien, għal diversi drabi smajna opinjonijiet differenti dwar ir-raġunijiet li wasslu l-Air Malta tmur minn taħt u titlef miljuni ta’ ewro. Kienu ħafna dawk li wasslu l-opinjoni tagħhom dwar dan. Minkejja l-opinjonijiet differenti, il-maġġor parti huma tal-fehma li l-Air Malta hija kruċjali għall-ekonomija ta’ pajjiżna kif ukoll għas-settur turistiku.  Għaldaqstant, aħna rridu nsalvaw lill-kumpanija nazzjonali tal-ajru u li tkun kummerċjalment vijabbli u sostenibbli għall-futur u aħna bħala Gvern dan hu dak li aħna determinati li nwettqu.

L-industrija tal-linji tal-ajru hija volatili ħafna, u l-operat tal-linji tal-ajru huwa ċertament proċess kumpless li jeħtieġ soluzzjonijiet kumplessi.

Dan il-Gvern ħa f’idejh it-tmexxija tal-Air Malta fi żmien meta l-proċess ta’ ristrutturar kien diġà miftiehem mal-Kummissjoni Ewropea. Dan kien immexxi minn tim ta’ management li ġie magħżul  apposta għal dan l-iskop. Minħabba r-riżorsi finanzjarji li ġew allokati għal dan il-pjan u l-appoġġ sħiħ tal-istat, ħassejna li kien meħtieġ li nimxu b’kawtela u nkomplu b’dan il-pjan kif miftiehem.

L-ewwel sena tagħna f’ dan il-Gvern kienet iddedikata biex tinġabar l-informazzjoni sottomessa mill-amministrazzjoni, dan sabiex inkunu nistgħu naċċertaw preċiżament f'liema stadju kien wasal il-pjan ta’ ristrutturar tal-Air Malta vis-a-vis il-pjan tal-Unjoni Ewropea u liema kienu dawk il-kwistjonijiet li jkunu meħtieġa jiġu indirizzati.

Nirrikonoxxu li sar forma ta’ progress li huwa mistenni, meta wieħed iqis l-investiment enormi ta’ fondi pubbliċi għal dan l-iskop. Madankollu, m'hemm  l-ebda dubju, li stajna niksbu ferm aktar. Sirna nafu li l-pjan ta’ ristrutturar ma kienx kompletament on track, ċerti pjanijiet baqgħu lura u f'xi każijiet il-pjan ma mexiex ma’ dak li kien stabbilit. L-ispejjeż operattivi eskalaw. Sirna nafu wkoll li ċerti deċiżjonijiet kummerċjali ma ttiħdux, tant li ġew preġudikati l-objettivi stabbiliti.

Filfatt kif spjegat iċ-Chairperson tajjeb qabli, għas-sena finanzjarja li għalqet f’Marzu 2013 l-AirMalta tilfet kważi 31 miljun meta skont il-pjan ta’ ristrutturar il-mira kienet li titlef biss 15-il miljun, mela l-kumpanija tilfet filfatt id-doppju ta’ dak li kien inkluż fil-pjan.  Dan importanti biex inqiegħdu fil-kuntest eżatt is-sitwazzjoni tal-linja tal-ajru niċċaraw ċerti dikjarazzjonijiet li saru minn uħud li ma kinux korretti.  Ġew mikxufa wkoll estimi sottovalutati, bħalma kien fil-każ tal-manutenzjoni tal-flotta.

Ma sibna l-ebda pjan strateġiku li jmur lil hinn mill-pjan ta’ ristrutturar u lanqas pjan għat-tiġdid tal-flotta, li huwa essenzjali għal kwalunkwe linja tal-ajru. F’dan l-istadju, idejna kienu marbuta minħabba obbligi kuntrattwali li daħlet għalihom il-kumpanija  fl-aħħar snin u minħabba li ċerti obbligi li ma setgħux jiġu rtirati.

Ir-responsabbiltà kienet nieqsa fit-tmexxija għolja u ninsab ċert li kieku aħna ma ħadniex  ċerti deċiżjonijiet, it-telf għas-sena finanzjarja li għaddiet, kien ikun akbar mis-sittax-il miljun ewro reġistrati sal-llum, minkejja l-mira fil-pjan li din is-sena kellha tintemm break even.

Issa jien ma nixtieqx inħares aktar lura, pjuttost irrid nitkellem dwar dak li huwa ppjanat għall-futur.

Sa mill-bidu nett, il-Bord ħadem bla waqfien biex jassigura li ċerti deċiżjonijiet importanti  li kien hemm bżonn li jittieħdu, jittieħdu mingħajr dewmien żejjed. Illum naf li qed jaħdmu ħafna aktar. 

Kellna bżonn management bi struttura li tista’ timplimenta b’mod effettiv il-pjanijiet artikolati fil-ħin opportun, iżda fuq kollox, struttura  li hija responsabbli, kompetenti u accountable. Bħalissa ninsabu fil-proċess li niffinalizzaw pjan strateġiku li se jwassal l-Air Malta biex tilqa’ għall-isfidi li ġejjin u permezz ta’ dan tibqa’ sostenibbli lil hinn mill-perjodu tal-pjan ta’ ristrutturar. Aħna impenjati biex dan il-pjan iseħħ u qegħdin naħdmu bla waqfien biex nassiguraw li l-Air Malta tilħaq dan l-objettiv.

Madankollu, din hija sfida diffiċli mhux biss għax din l-industrija  hija volatili  u kompetittiva iżda wkoll għaliex niddependu fuq suq li huwa imprevedibbli. Pereżempju, tlifna r-rotta ta’ Tripli li affettwatilna l-profitti tagħna b’mod drastiku. Kien hemm ukoll it-telf ta’ negozju minn Tel Aviv u Moska, fiż-żewġ każijiet dan kien minħabba inkwiet ġeopolitiku fir-reġjuni rispettivi.

L-Air Malta mhux biss iffaċċjat il-kriżi u esplorat opportunitajiet bħalma għamlet għar-rotta ta’ Djerba, li fl-ebda mod ma tista’ tikkumpensa biżżejjed għat-telf tar-rotta ta’ Tripli, iżda se tkun qed tikkontribwixxi b'mod pożittiv.

Aħna impenjati li niżguraw li l-Airmalta tibqa’, għax din il-linja nazzjonali tal-ajru  hija l-mutur tal-ekonomija u tal-industrija tat-turiżmu.

Nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lill-bord tad-diretturi li qegħdin jaħdmu bla waqfien fl-organizzazzjoni mill-ġdid tal-kumpanija.

Għandi fiduċja sħiħa fiċ-Chairperson, Maria Micallef u s-CEO Philip Micallef u konvint li dawn ser imexxu lill-kumpanija fid-direzzjoni t-tajba. Irrid nirringrazzja wkoll kemm lill-management kif ukoll lill-impjegati kollha tal-Air Malta li kkontribwew f’dan il-proċess, u talli urew il-lealtà tagħhom u l-impenn bla waqfien lejn il-kumpanija.

Flimkien mal-ħaddiema kollha, il-Gvern hu determinat li jagħmel mill-Airmalta proġett ieħor ta’ suċċess. Flimkien nistgħu nwettqu dan u mhux biss ngħaddu b’suċċess il-proċess ta’ ristrutturar, iżda li nagħmlu lill-Airmalta linja tal-ajru kummerċjalment vijabbli li tkun l-għira ta’ linji tal-ajru oħra Ewropej. Flimkien konvint li naslu!

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow