Left arrow Go Back

JINGĦAQDU Ż-ŻEWĠ TEATRI GĦAWDXIN

pr142514
Date Icon 29/10/2014


DJAMANTI MUŻIKALI  nhar id-29 ta’Novembru u s-6 ta’Diċembru ġewwa Għawdex

Preċiżament f’Jum Għawdex tnieda l-kunċert DJAMANTI MUŻIKALI li ser isir f’Għawdex, l-ewwel parti fid-29 ta’Novembru fit-teatru ASTRA u fis-6 ta’Diċembru fit-teatru AURORA.

Dan huwa kunċert organizzat mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali (FCN) flimkien mal-Ministru għal Għawdex, Anton Refalo.

Din hi l-ewwel darba fl-istorja ta’dawn iż-żewġ Teatri Għawdxin li ser ikunu qed jikkollaboraw flimkien biex itellgħu kunċert wieħed.  Flimkien ser ikunu qed ifakkru avvenimenti li sawru l-istorja ta’pajjiżna, l-Indipendenza u r-Repubblika, l-ewwel darba li dawn iż-żewġ kisbiet importanti ser jiġu mfakkra flimkien.

Il-konferenza nfetħet mill-produttur ta’ DJAMANTI MUŻIKALI, David Borg, fejn spjega li l-isem huwa fergħa mill-aktar kanzunetta popolari li qatt inkitbet għal Għawdex, Inti Djamant, kif ukoll jirrifletti l-kontenut ta’ mużika u melodija Għawdxin u Maltin li tnaqqxu fl-istorja mużikali ta’dawn il-gżejjer.

Borg qal li wara s-suċċess kbir li għamel il-kunċert 50 Years of Maltese Music ġewwa Malta, kien xieraq li dan jiġi estiż ġewwa Għawdex u jitwessa fuq firxa iktar wiesgħa.

Kif ingħata ġewwa Malta, dan il-kunċert f’żewġ partijiet ser ikollu d-dħul b’xejn f’Għawdex ukoll. Id-dħul ser ikun fuq bazi ta’ FIRST-COME-FIRST-SERVED.

Il-Ministru Anton Refalo saħaq kif il-Ministeru għal Għawdex huwa impenjat biex Għawdex ikun aktar attraenti kemm għall- Għawdxin, għall- Maltin kif ukoll għat-turisti. Il-ħidma tal-Gvern hija ffukata biex tingħata promozzjoni effettiva lil Għawdex biex aktar Maltin u turisti jżuru lil Għawdex matul is-sena kollha speċjalment matul ix-xhur aktar kwieti xitwija.  “Kien għalhekk li jien segwejt mill-qrib l-iżvilupp ta’ din l-inizjattiva.  L-għaqda bejn l-Għawdxin hi strumentali biex Għawdex jimxi ‘l quddiem, għax fejn hemm l-għaqda, hemm is-saħħa” temm jgħid il-Ministru, waqt li stieden lill-presidenti taż-żewġ teatri jieħdu b’idejn xulxin.

Tkellem ukoll iċ-Chairman tal-FCN, Albert Marshall, fejn spjega kif l-arti, il-kultura u l-mużika huma elementi fis-soċjeta’ tagħna li, jekk jintużaw tajjeb, isawwru l-għaqda fost il-poplu. “Huwa għalhekk li dan il-kunċert huwa ta’ fejda u nħossni kburi li qed nagħmel parti minnu”, temm is-Sur Marshall.

Il-kompożitur Paul Abela spjega li dan il-kunċert ser ikun mimli kanzunetti ta’ talent Għawdxi u Malti li ser ikun usa minn dak li ttella’ fi Smart City.  Hu qal li jinsab ċert li kif in-nies ħadu pjaċir f’Malta, “ser inkunu qed nagħtu kunċert li n-nies sew jibqgħu jkantaw mal-melodija, anke wara li jispiċċa l-kunċert stess!” tenna  l-kompożitur.

Iż-żewġ partijiet tal-kunċert, is-Sibt 29 ta’ Novembru fl-ASTRA u s-Sibt 6 ta’ Diċembru  fl-AURORA jibdew fis-7:30pm

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow